Saturday, November 23, 2024

MP Skoċċiż: Il-mod kif British Airways keċċew u reġgħu impjegaw lill-ħaddiema hu immorali u għandu jkun illegali

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-Membru Parlamentari Skoċċiż, Gavin Newlands qal bl-iskuża tal-Coronavirus, il-British Airways heddew li jkeċċu mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema u mbagħad jerġgħu jimpjegawhom b’pagi u kundizzjonijiet inqas tajbin. Saħaq li dan mhuwiex aċċettabbli fir-Renju Unit fis-sena 2020. 

Filwaqt li sostna li m’hemmx dubju li s-settur tal-avjazzjoni qed jiffaċċja l-akbar sfidi sa minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, Newlands qal li min-naħa l-oħra hemm modi oħra kif permezz ta’ sforz kollettiv minn kulħadd jista’ jintrefa’ l-piż, fosthom mill-ħaddiema, mill-maniġment, mill-unjins u anke mill-komunità. 

Madankollu, qal li dan mhux fuq l-aġenda tal-British Airways, li qal li heddet lil kull ħaddiem li tkeċċieh, fejn terz tal-ħaddiema ffaċċjaw it-tkeċċija, filwaqt li l-kumplament ġew ingaġġati b’kuntratti fejn il-paga hi inqas u anke l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Jistqarr li f’ċerti każi t-tnaqqis fil-pagi jitla’ sa anke 70%. 

Il-membru parlamentari jgħid li din hi xi ħaġa immorali u għandha tkun illegali. Semma kif fit-Transport Select Committee, flimkien mal-kollegi tiegħu sema’ mijiet ta’ ħaddiema u anke staqsa lill-unjins u lill-maniġment dwar dan kollu. 

Hu qal li jidher ċar li l-esperjenza li tispiċċa bla xogħol intużat b’tali mod biex il-ħaddiema jaċċettaw kundizzjonijiet u pagi inqas filwaqt li jkomplu jagħmlu x-xogħol li kienu jagħmlu qabel. Għalih dan mhux aċeettabbli fir-relazzjonijiet industrijali fis-sena 2020. 

Saħaq li hemm bosta pajjiżi Ewropej li għandhom leġiżlazzjoni biex jiġu evitati affarijiet hekk milli jseħħu. 

Sport