Sunday, December 22, 2024

Mro Dominic Galea maħtur l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Arti Perfomattiva

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-Aġenzija Nazzjonali tal-Arti Performattiva (ANAP) li ser tipprovdi qafas legali, amministrattiv, u organizzattiv għal KorMalta, TeatruMalta, u ŻfinMalta, biex dawn is-setturi tant importanti jkomplu jimxu ’l quddiem u jiżviluppaw.

“Bħala Gvern impenjati li niżguraw aktar żvilupp fis-setturi kulturali u kreattivi. Din l-Aġenzija se sservi bħala pjattaforma b’saħħitha għal aktar kollaborazzjoni li twassal għal titjib f’dawn is-setturi. Nemmen li permezz ta’ aġenzija bħal din nistgħu nżidu aktar l-aċċessibbiltà għall-arti, insaħħu l-ekonomija kreattiva, u nipprovdu lill-artisti tagħna bi pjattaforma aktar stabbilita għall-professjonalizzazzjoni tas-settur,” qal il-Ministru Bonnici.

L-Aġenzija l-ġdida se tistabbilixxi legalment ukoll lil KorMalta bħala l-Kor Nazzjonali, TeatruMalta bħala l-Kumpanija Teatrali Nazzjonali, u tkompli ssaħħaħ lil ŻfinMalta bħala l-Kumpanija Nazzjonali taż-Żfin Kontemporanju.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal “Din l-Aġenzija se tkompli tirrappreżenta l-arti performattiva Maltija fuq livell internazzjonali, tiggarantixxi kalendarju nazzjonali ikkonsolidat u b’saħħtu għas-settur tal-arti performattiva, filwaqt li tkompli tikkollabora ma’ Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi u s-settur privat. Dawn it-tliet entitajiet, fi ħdan din l-Aġenzija, bla dubju jagħtu kontribut notevoli fit-tiswir tal-pajsaġġ kulturali ta’ Malta.”

L-Aġenzija se jkollha Bord ta’ Diretturi u se tkun immexxija minn Kap Eżekuttiv, Direttur Amministrattiv, u tliet Diretturi Artistiċi. Sabiex tiġi assigurata kontinwità fil-ħidma, il-persuni li kienu jokkupaw il-kariga ta’ Chairperson u Membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ ŻfinMalta, issa se jkunu qed jokkupaw il-kariga ta’ Chairperson u Membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ din l-Aġenzija.

Iċ-Chairperson tal-ANAP, Alison White sostniet li l-Aġenzija se taħdem biex toħloq opportunitajiet edukattivi ġodda u tfittex li trawwem rabtiet bejn l-industrija f’Malta u f’pajjiżi oħra permezz tax-xogħol internazzjonali tagħha.

Min-naħa tiegħu, l-Kap Eżekuttiv tal-ANAP, Dominic Galea, qal li dawn it-tliet entitajiet se jkunu l-pijunieri ta’ dan il-proġett kreattiv tant meħtieġ u li se jkun strumentali fil-proċess tat-tisħiħ, l-iżvilupp u t-tkabbir tas-settur kulturali u artistiku Malti.

Ekonomija

Sport