Waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina għażel li jistaqsi lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana rigward il-bagalja ħamra ġdida li fiha kien hemm id-dokument tal-budget 2023.
Aquilina nnota li membru parlamentari fl-istess Kamra kellu bagalja simili għal dik li l-Ministru Caruana qal li xtara minn butu biex biha ppreżenta d-dokument tant mistenni tal-budget għas-sena li ġejja. Huwa madanakollu qal li dik ta’ “l-Onorevoli Debattista ma fihiex l-arma ta’ Malta” u kompla biex jgħid li għal min ma jafx hemm multa li titla sa €2,300 għal min jagħmel użu minn din l-arma mingħajr il-kunses. Aquilina kompla biex jgħid li huwa talab lill-Prim Ministru biex jgħaddilu lista ta’ persuni li talbu l-kunsens biex jużaw din l-arma u lil min ingħata l-kunsens jagħmel dan mill-2013 sal-lum. Stqarr li l-Prim Ministru għaddielu l-lista ta’ dawn il-persuni u isem il-Ministru Caruana ma kienx fil-lista u għalhekk staqsieh biex iwieġbu taħt liema awtorità uża l-arma ta’ Malta fuq proprjetà tiegħu.
Il-Ministru b’nofs daħka kien pront iwieġeb għal din id-domanda u qal li jieħu pjaċir li l-kritika tal-Oppożizzjoni tiffoka fuq il-bagalja li uża għall-istess budget aktar milli fuq il-budget innifsu.
“Nifhem li n-nies li jkunu qed jarawna, probabbli anke huma għandhom tbissima fuq wiċċhom, nispera li l-Oppożizzjoni fid-dibattiti li qed ikollhom filgħodu u filgħaxija jkomplu jiġu b’dawn it-tip ta’ argumenti ħalli verament il-poplu jagħraf liema naħa tal-Kamra tieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn sabiex inkomplu nħarsu l-interess tal-Maltin u l-Għawdxin”, saħaq Caruana.