Multa ta’ €1,200 u projbizzjoni fuq liċenzja tal-armi wara theddid li jispara lilu nnifsu u lil ibnu

Aqra wkoll

Ir-raġel ta’ 48 sena minn Birżebbuġa ammetta l-akkużi u tpoġġa taħt ordni ta’ probation u trattament għal tliet snin

Raġel ta’ 48 sena residenti Birżebbuġa tpoġġa taħt ordni ta’ probation u ordni ta’ trattament għal tliet snin wara li ammetta akkużi marbuta ma’ inċident li fih allegatament hedded li jispara lilu nnifsu u lil ibnu

Il-Qorti mmultatu wkoll €1,200, ħarġet ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur is-sieħba tiegħu u pprojbietu milli jkollu liċenzja tal-armi għal ħames snin.

Il-każ imur lura għat-22 ta’ Awwissu, meta l-pulizija rċeviet rapport dwar argument li kien jinvolvi lill-akkużat u lis-sieħba tiegħu.

Waqt l-inċident, ir-raġel allegatament hedded li jispara lilu nnifsu u lil iben il-mara.

Il-pulizija mbagħad ġiet infurmata li fil-kamra fejn kien qed joqgħod l-akkużat kien hemm arma tan-nar li allegatament ma kinitx irreġistrata u kienet qed tinżamm illegalment.

Meta r-raġel ġie arrestat, il-pulizija sabet shotgun fil-pussess tiegħu.

Huwa tressaq il-Qorti fuq sensiela ta’ akkużi, fosthom li hedded lis-sieħba tiegħu, li kellu arma tan-nar u munizzjon mingħajr il-liċenzji meħtieġa u li kien reċidiv.

Ir-raġel ammetta l-akkużi kollha. Wara li l-Qorti tatu żmien sabiex jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu, huwa kkonferma li kien qed jammetti.

Fid-deċiżjoni dwar il-piena, il-Qorti qieset l-ammissjoni bikrija tiegħu kif ukoll il-fedina penali. Qieset ukoll is-sottomissjonijiet tal-prosekuzzjoni u d-difiża, li qablu li l-piena għandha tiffoka fuq ir-riabilitazzjoni tal-akkużat filwaqt li tkun żgurata s-sigurtà tal-vittma.

Il-Maġistrat Nadia H. Vella poġġiet lir-raġel taħt ordni ta’ probation għal tliet snin u ordni ta’ trattament għall-istess perjodu.

Huwa ġie mmultat €1,200, filwaqt li l-arma li kienet fil-pussess tiegħu ġiet ikkonfiskata favur il-Gvern.

Il-Qorti pprojbietu wkoll milli jkollu liċenzja taħt l-Att dwar l-Armi għal ħames snin u ħarġet ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur is-sieħba tiegħu.

L-akkużat kien assistit mill-avukati Marion Camilleri, Franco Debono u Fleur Abela.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christiana Cauchi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport