Il-Kamra tan-Negozju Għawdxija (GBC) nediet l-edizzjoni għal din is-sena ta’ Youth4Entrepreneurship Gozo.
Il-GBC qalet li għal din is-sena se jkun hemm diveri katergoriji fosthom is-soluzzjonijiet Diġitali għal Gżira Aktar Intelliġenti.
“Din is-sena, qed nisfidaw liż-żgħażagħ biex jiżviluppaw ideat ta’ negozju innovattivi u bbażati fuq id-diġitali li jirrispondu għal kwistjonijiet reali li jaffettwaw lil Għawdex,” qalet il-Kamra tan-Negozji Għawdxin.
Il-parteċipanti huma mistiedna jesploraw soluzzjonijiet fi tliet oqsma ewlenin:
Aċċessibilità – titjib tal-konnettività, il-mobilità u l-aċċess għas-servizzi f’Għawdex;
Popolazzjoni li qed Tixjieħ – appoġġ għal tixjiħ attiv, b’saħħtu u indipendenti permezz ta’ soluzzjonijiet diġitali;
Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ – il-ħolqien ta’ modi ġodda biex iż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom, jipparteċipaw u jikkontribwixxu fil-komunitajiet tagħhom.
L-inizjattiva hija miftuħa għal żgħażagħ bejn is-16 u l-35 sena li jgħixu fil-Gżejjer Maltin. M’hemmx bżonn li tkun Għawdxi, iżda l-idea tiegħek trid tkun tista’ tiġi applikata b’mod ċar u prattiku f’Għawdex.
Il-parteċipanti se jkollhom ukoll l-opportunità li jibbenefikaw minn taħriġ, gwida minn esperti u mentoring hekk kif jiżviluppaw l-ideat tagħhom u jippreparaw il-preżentazzjoni tagħhom.
Il-parteċipanti magħżula se jippreżentaw il-proposti tagħhom waqt il-finali ta’ Youth4Entrepreneurship Gozo nhar il-Ġimgħa, 6 ta’ Novembru 2026 fis-7.00pm ‘il quddiem bord ta’ evalwaturi.
Kemm jekk għandek idea għal app, pjattaforma, servizz diġitali, soluzzjoni bbażata fuq l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) jew kunċett innovattiv ieħor li jista’ jagħmel differenza pożittiva f’Għawdex, irridu nisimgħu mingħandek!
Fil-ġimgħat li ġejjin se jsiru workshops preparatorji minn Aġenzija Żgħażagħ. Aktar dettalji dwar dan, kif ukoll dwar kif tapplika, jinsabu hawn: https://gozobusinesschamber.org/…/youth4entrepreneursh…/
Ibda aħseb. Ibda oħloq. U urina kif l-innovazzjoni diġitali tista’ tikkontribwixxi għal Għawdex aktar intelliġenti.
