Sunday, December 22, 2024

Multa ta’ €4,000 wara li żewġ ħaddiema nstabu bla safety shoes

Aqra wkoll

Direttur ta’ kumpanija ġie mmultat €4,000 wara li nstab ħati li żewġ impjegati tiegħu nstabu fuq il-post tax-xogħol mingħajr safety shoes.

Huma kienu nstabu fit-2 ta’ Lulju tal-2019 waqt li kienu fuq xogħol fis-Siġġiewi.

Ibrahim Al Yassin kien diġà nstab ħati mill-Ewwel Qorti, però kien appella mis-sentenza fejn il-Qorti tal-Appell ikkonfermat mill-ġdid l-istess sentenza.

Ibrahim Al Yassin kien mixli li fil-ġurnata meta nstabu l-ħaddiema, kif ukoll ġimgħat jew xhur ta’ qabel bħala l-persuna responsabbli mill-kumpanija tiegħu naqas li jieħu l-passi neċessarji biex jiġi evitat dannu fiżiku, korriment jew mewt fuq il-post tax-xogħol.

Hu kien mixli wkoll li fl-istess jiem naqas li jagħti tagħmir protettiv lill-ħaddiema tiegħu kif ukoll li impjega nies li ma kellhomx liċenzja tax-xogħol li kienu qegħdin jagħmu. Al Yassin kien mixli wkoll li ħaddem ħaddiema mingħajr permess.

Kienu l-uffiċjali tal-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) li waqt spezzjoni li saret fis-Siġġiewi nnutaw li żewġ ħaddiema ma kienux lebsin safety shoes kif ukoll li fuqhom ma kellhomx dokumenti ta’ identifikazzjoni.

Hekk kif l-OHSA kompliet bl-investigazzjoni rriżulta li wieħed mill-ħaddiema biss kien irreġistrat mal-Jobsplus.

Fl-appell Al Yassin argumenta li l-prosekuzzjoni ma ppreżentat l-ebda prova li ż-żewġ ħaddiema kienu mpjegati minnu, iżda fis-sentenza tiegħu l-Imħallef Nevielle Camilleri emmen ix-xhieda tal-uffiċjali tal-OHSA fejn dan kien xehed li meta kienu fuq il-post fis-Siġġiewi l-ħaddiema qalulu li huma kienu mpjegati ta’ Al Yassin.

Imħallef Nevielle Camilleri sostna li l-piena ma kinitx esaġerata u fakkar li kull kumpanija għandha tkun konxja tal-obbligi legali tagħha fejn tidħol is-saħħa u sigurtà.

Għalhekk l-Imħallef Camilleri filwaqt li ċaħad l-appell, ikkonferma s-sentenza diġà mgħotija mill-Ewwel Qorti.

Ekonomija

Sport