Tuesday, May 14, 2024

Malta Enterprise tospita l-Istartup Festival bejn il-5 u 6 ta’ Ottubru 2023

It-tielet edizzjoni tal-Istartup Festival ta’ Malta Enterprise se ssir bejn il-5 u s-6 ta’ Ottubru 2023

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħabbret id-dati tal-Festival waqt li kienet qed tindirizza aktar minn 200 startup u imprendituri fl-attività “Spring Meetup”, li saret din il-ġimgħa bħala parti mit-tħejjijiet għall-istess Festival.

Wara s-suċċess tal-ewwel żewġ edizzjonijiet, l-Istartup Festival sar waħda mill-aktar attivitajiet popolari fost l-imprendituri u l-innovaturi, hekk kif jiltaqgħu taħt saqaf wieħed biex jaqsmu esperjenzi u għarfien dwar startups differenti. Il-Festival jattira mijiet ta’ negozji ġodda lokali u barranin minn diversi setturi, fosthom FinTech (inklużi soluzzjonijiet KYC/AML), logħob diġitali, VR/AR, Metaverse, kannabis mediċinali, BioTech, MedTech u l-ekonomija blu.

Din is-sena l-Festival se jsir f’post ikbar, l-MFCC, f’Ta’ Qali. Malta Enterprise se toħloq Deal Room ikbar minn ta’ qabel, biex l-istartups ikollhom aktar post fejn jiltaqgħu u jitkellmu mal-investituri. Għal din is-sena, Malta Enterprise se tvara wkoll podkast bl-isem Business Matters, b’intervisti ma’ personalitajiet lokali, aġġornamenti dwar in-negozju, pariri għall-istartups u kollaborazzjonijiet m’entitajiet oħrajn.

Għall-ewwel darba, l-Istartup Festival se jkollu attività ġdida – “Pitch Black”, kompetizzjoni fejn startups ikunu jistgħu jippreżentaw il-proposti tagħhom quddiem bosta investituri u jikkompetu għal premju finali li jinkludi numru ta’ servizzi minn diversi intrapriżi, biex bihom jibdlu l-ideat tagħhom f’negozju ta’ suċċess.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li sena wara sena, dan il-festival dejjem qed jikber u jsir aħjar. Hija tenniet li Malta hija dejjem miftuħa għan-negozji ġodda u l-bibien tagħna huma dejjem miftuħa għal startups innovattivi b’viżjoni għall-futur. Il-Ministru spjegat li permezz ta’ diversi inizzjattivi, qed jiġu attirati negozji ġodda filwaqt li ngħinu lil dawk eżistenti jikbru u jsiru aktar effiċjenti u sostenibbli.

“Irridu li l-imprendituri jagħżlu lil Malta bħala d-dar naturali tagħhom, u meta jirnexxu, nistednuhom jgħinuna nkomplu ninkoraġġixxu oħrajn jimxu fuq il-passi tagħhom. Flimkien insaħħu dan l-ambjent imprenditorjali li ħloqna biex nattiraw aktar startups,” temmet tgħid il-Ministru Dalli.

“L-istartups huma kruċjali biex inkomplu għaddejjin bi żvilupp sostenibbli ekonomiku. L-għan tagħna huwa li nkomplu nattiraw negozji innovattivi li għalkemm forsi jkunu żgħar jiġġeneraw xogħolijiet ta’ kwalità. Is-salarju medju li jiġġeneraw dawn l-istartups jaqbeż l-€40,000, fejn din hija turija ċara kif l-istrateġija tagħna hija bbażata fuq il-kwalità. U għalhekk dan hu l-mod ta’ kif qed inkomplu naħdmu fuq il-viżjoni fit-tul għal żvilupp ekonomiku,” saħaq il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.

Sport