Talisa Nappa Licari ġie immultata tħallas €4,500 wara li nstabet ħatja li tajret mara waqt li kienet qed taqsam it-triq.
L-inċident kien seħħ fil-21 ta’ Mejju tal-2021 fil-Fgura. Licari ġiet mixlija li dakinhar kienet qed issuq b’mod traskurat u li kkaġunat ġrieħi gravi lill-vittma kif ukoll li kienet qed issuq b’veloċità eċċessiva.
Il-vittma li dakinhar tal-inċident kellha 54 sena għamlet xi żmien fil-periklu tal-mewt.
Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Antoine Agius Bonnici nnota li mill-provi mressqin il-vittma kienet diġà qasmet tliet kwarti tat-triq dan filwaqt li l-karozza ma dehritx li għafset il-brake u baqgħet miexja ftit metri wara li tajret lill-mara.
Kien għalhekk li sab lill-akkużata ħatja u apparti l-multa huwa skwalifikalha l-liċenzja tas-sewqan għal 4 xhur.

