Wednesday, July 24, 2024

Multa ta’ €58 għal mara li ħebbet għal mara oħra 

Aqra wkoll

Mara ta’ 31 sena ġiet  immultata €58 wara li nstabet ħatja li ħebbet għal mara oħra. L-argument bejn iż-żewġ nisa seħħ fid-9 ta’ Mejju tal-2022 fi Triq Aldo Moro fil-Marsa.

Jennifer Grech kienet mixlija li ħebbet għall-mara oħra li kienet qed iġġorr magħha katellun favur l-abort u bdiet theddida minħabba dan. 

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat kif Grech waqfet bil-karozza ħdejn il-vittma u qaltilha sabiex tieqaf minn dak li qed tagħmel għax l-abort huwa qtil. Irrimarkat ukoll li l-akkużata għajret lil mara li hija kriminali u qattiela.   

Fix-xiehda tagħha, il-vittma qalet li ma kellha bżonn il-permss ta’ ħadd biex turi fehmitha b’mod paċifiku fil-pubbliku. Qalet ukoll li kellmet lill-akkużata u qaltilha biex din issuq ħalli ma toħloqx problema ta’ traffiku fit-triq. Żiedet tgħid li f’dak il-mument l-akkużata mbuttatha.  

Min-naħa tagħha, Grech ikkonfemrat li meta rat lil din il-mara żżomm kartellun favur l-abort waqfet biex tneħħihulha. Hija sostnet li riedet twaqqafha milli tirriklama l-abort għax fil-fehma tagħha, kull tarbija għandha dritt titwieled.

Grech ċaħdet li mbuttatha u sostniet li mbuttat biss il-kartellun waqt li ċaħdet ukoll li ddisturbat it-traffiku meta waqfet fit-triq.

Il-Maġistrat Astrid May Grima rrimarkat li mill-provi rriżulta li l-akkużata kienet diġà ikkonfrontat lill-vittma xi ġimgħa qabel waqt protesta oħra favur l-abort.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti sabet lil Jennifer Grech ħatja u minbarra multa ta’ €58 rabtitha b’garanzija għal sena biex ma tavviċinax lill-vittma u wissitha li jekk tikser din il-kundizzjoni tiġi mmultata €2,000.

Ekonomija

Sport