Sunday, December 22, 2024

Multa ta’ €750 għal min jinqabad jagħmel l-awrina fil-baħar fi Spanja

Aqra wkoll

Il-Kunsill tal-belt ta’ Vigo, fir-reġjun ta’ Galicia fit-Tramuntana ta’ Spanja, ħabbar li mhuwiex aktar aċċettabbli li persuni jagħmlu l-awrina fil-miftuħ inkluż fil-baħar u kull min jinqabad jikser din ir-regola, se jeħel multa. Ir-regoli ġodda ta’ din il-belt popolari għall-baħar tagħha jispjegaw ċar li, “mhuwiex aktar permessibbli li jkun hemm “evakwazzjoni fiżjoloġika fil-bajja jew fil-baħar. Min jinqabad jista’ jeħel multa ta’ massimu €750”.

Din il-multa ġiet introdotta minħabba li l-awrina f’postijiet pubbliċi mhiex prattika iġenika u hija ta’ riskju għas-saħħa, kif ukoll jekk tkun fi kwantitajiet kbar, din tista’ tagħmel ħsara lill-ambjent naturali tal-oċejan. Minħabba dawn ir-restrizzjonijiet ġodda l-Kunsill ta’ Vigo qal li se jinstalla aktar toilets pubbliċi mal-kosta fiż-żmien meta jkun hemm aktar turisti. Dan bil-għan li jiżguraw li l-pubbliku għandu l-faċilitajiet sanitarji meħtieġa u għaldaqstant “ma jkollhomx għalfejn jistrieħu fil-baħar”.

Għal bajjiet aktar nodfa…

Ir-regola l-ġdida hija waħda minn għadd ta’ miżuri li qegħdin isiru fi Spanja biex il-bajjiet ikunu aktar nodfa. Regoli kontra li jkun hemm minn jagħmel l-awrina fil-baħar mhumiex daqstant komuni iżda Spanja mhiex l-ewwel pajjiż li qiegħda timponi tali restrizzjonijiet. Miżuri simili diġà ttieħdu fil-Portugal u t-Tajlandja li saru biex ikunu protetti l-annimali selvaġġi b’mod speċjali s-sikek tal-qroll li jsofru ħafna ħsara mill-awrina tal-bniedem.

Minkejja li l-awrina hija 95% ilma, din fiha wkoll elementi u batterji li jagħmlu ħsara lill-ambjent marittimu. Barra minnhekk, ir-residwu tal-mediċini li nieħdu huma tossiċi u jistgħu jeqirdu l-bio diversità tal-oċejan. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet ipprojbixxu wkoll l-użu ta’ prodotti tal-ħasil fosthom sapun u shampoo fil-baħar, kif ukoll li jinħaslu pużati u oġġetti oħra li jintużaw għall-ikel. 

Filwaqt li huwa faċli li jinqabdu persuni li jippruvaw jinħaslu fil-baħar, il-Kunsill ta’ din il-belt għadu ma kkjarifikax kif se jsiru l-kontrolli u l-identifikazzjoni tal-għawwiema li jagħmlu l-awrina fil-baħar.

Bliet oħra Spanjoli ħadu miżuri simili fosthom San Pedro del Pinatar f’Murcia, fin-Nofsinhar ta’ Spanja. Hawnhekk l-għawwiema wkoll ma jistgħux jagħmlu l-bżonnijiet naturali tagħhom fil-baħar u lanqas jistgħu jixxemxu għarwenin. Huwa pprojbit ukoll li jkun hemm logħob bil-blalen u li wieħed jirriserva post fuq ir-ramel bix-xugaman. In-nudisti jistgħu jeħlu multa ta’ €750 ukoll mentri persuni li jħammġu l-bajja b’xi barbeque, dawn jistgħu jeħlu sa €1,500 f’multa.

Ekonomija

Sport