Multigas tiċċelebra l-100 anniversarju tagħha b’investiment ta’ €4 miljun fi proġett għall-produzzjoni tan-nitroġenu

Aqra wkoll

Multigas iċċelebrat il-mitt anniversarju tal-manifattura tal-gassijiet industrijali f’Malta, u b’hekk fakkret seklu ta’ intraprenditorija, żvilupp industrijali u kontribut għall-ekonomija Maltija u għas-settur tal-kura tas-saħħa.

Dan l-anniversarju importanti ġie mfakkar waqt avveniment li sar nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Novembru, fi Trident Park, l-Imrieħel. Għal dan l-avveniment attendew id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Dr Ian Borg, il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Dr Miriam Dalli, u l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Alex Borg, flimkien ma’ azzjonisti, impjegati u msieħba kummerċjali tal-kumpanija.

Iċ-ċelebrazzjoni kienet okkażjoni biex jitfakkar il-wirt industrijali tal-kumpanija u l-kontribut tagħha għall-iżvilupp ta’ Malta, filwaqt li ngħatat ukoll ħarsa lejn il-futur, b’Multigas tħabbar investiment ta’ €4 miljun biex tespandi l-kapaċità tagħha ta’ produzzjoni tan-nitroġenu.

Mill-appoġġ lill-industrija u l-manifattura farmaċewtika sal-provvista ta’ ossiġnu mediċinali lill-isptarijiet u l-pazjenti fid-dar, Multigas illum hija produttur u fornitur ewlieni ta’ gassijiet industrijali u mediċinali f’Malta.

Fid-diskors tiegħu waqt iċ-ċelebrazzjoni, Dr Borg irrikonoxxa l-kontribut tal-kumpanija għall-iżvilupp industrijali u s-servizzi tal-kura tas-saħħa, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-produzzjoni lokali tal-gass mediċinali sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista:

“Il-mitt sena ta’ Multigas huma storja ta’ suċċess Maltija mibnija fuq il-viżjoni, l-investiment u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema. Il-kontribut tagħha jinħass f’diversi oqsma, fosthom fis-saħħa, fejn provvista affidabbli ta’ ossiġnu hija essenzjali għall-kura tal-pazjenti. Il-pandemija u mumenti oħrajn ta’ sfida wrew kemm hu importanti li pajjiżna jkollu l-ħiliet u l-kapaċità lokali biex jirrispondi, u Multigas dejjem qamet għall-okkażjoni. Nawgura lil Multigas aktar suċċessi u nħares ’il quddiem għal aktar investiment.”

Iċ-Chairman ta’ Multigas, Louis A. Farrugia, tkellem dwar l-ispirtu intraprenditorjali li wassal għat-twaqqif tal-kumpanija u l-kontribut ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ għall-iżvilupp tiegħu.

“Matul l-aħħar seklu, rajna bidliet straordinarji fit-teknoloġija, fl-industrija u fid-dinja ta’ madwarna. Minkejja dawn il-bidliet kollha, l-impenn tagħna lejn il-klijenti u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema tagħna baqgħu l-istess. Il-mitt sena li qed niċċelebraw illum mhumiex it-tmien ta’ vjaġġ, iżda pedament li fuqu nistgħu nibnu l-futur. Hija r-responsabbiltà tagħna hija li nkomplu nibnu fuq il-wirt li ħallewlna ta’ qabilna, billi nkomplu ninvestu, ninnovaw u noħolqu opportunitajiet għal dawk li jiġu warajna,” qal is-Sur Farrugia.

Il-bidu tal-kumpanija jmur lura għall-1926, meta L. Farrugia & Sons kienu pijunieri fil-produzzjoni tal-gass industrijali f’Malta, fejnbdew jipproduċu d-dijossidu tal-karbonju fil-Ħamrun. Matul is-snin il-kumpanija espandiet il-produzzjoni tagħha biex tinkludi l-ossiġnu, in-nitroġenu u l-aċetilena; aktar tard introduċiet it-teknoloġija krijoġenika, filwaqt li fl-2002 ittrasferiet l-operat ewlieni tagħha lejn Ħal Kirkop.

Aspett importanti fl-iżvilupp ta’ Multigas kien il-kontribut tagħha fis-settur tal-kura tas-saħħa. Fl-2005, il-kumpanija kisbet il-marketing authorisation biex tkun tista’ tipproduċi l-ossiġnu mediċinali lokalment. Matul il-pandemija tal-COVID-19, Multigas irdoppjat il-kapaċità tagħha li tipproduċi l-ossiġnu għall-isptarijiet u wettqet l-ewwel kunsinna ta’ ossiġnu likwidu lejn Għawdex. Illum, il-kumpanija tforni wkoll ossiġnu mediċinali direttament lill-pazjenti fi djarhom.

B’ħarsa lejn il-futur, il-Kap Eżekuttiv ta’ Multigas, l-Inġ. Noel Micallef, spjega kif il-kumpanija se tkompli tiffoka fuq erba’ oqsma ewlenin: l-industrija, il-kura tas-saħħa, l-innovazzjoni u n-nies. Minbarra l-investiment fil-produzzjoni tan-nitroġenu, huwa semma wkoll pjanijiet biex jiġu mmodernizzati l-faċilitajiet amministrattivi f’Ħal Kirkop u biex isir aktar investiment fl-awtomazzjoni, f’sistemi avvanzati għall-kontroll tal-proċessi u f’teknoloġija diġitali.

“Għal mitt sena, il-fiduċja nbniet permezz tal-ħidma tagħna ta’ kuljum. Filwaqt li nkomplu ninvestu fit-teknoloġija u fl-infrastruttura biex insaħħu l-operat tagħna u nippreparaw għat-tkabbir fil-futur, irridu nagħtu l-istess importanza lill-investiment fil-ħaddiema tagħna. Wara kull operazzjoni li titwettaq b’mod sigur, kull standard ta’ kwalità u kull kunsinna affidabbli, hemm l-għarfien, il-professjonaliżmu u l-impenn tagħhom. Dan huwa l-istandard li rridu nkomplu nżommu,” qal l-Inġ. Micallef.

Matul iċ-ċelebrazzjoni, li saret taħt it-tema A Century of Trust and Beyond (Seklu ta’ Fiduċja u Lil Hinn), ġiet inawgurata wkoll skultura tal-bronż maħduma apposta għall-okkażjoni mill-artist Christopher Chetcuti. Id-disinn tagħha jinkludi dawra ta’ 100 grad, li tissimbolizza kull sena fl-istorja tal-kumpanija, u tirrifletti l-gassijiet li huma fil-qalba tal-operat tagħha.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport