Friday, December 27, 2024

“Mument opportun biex Malta twettaq bidla radikali”

Aqra wkoll

It-twaqqif ta’ Ministeru dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni huwa pass importanti fit-tfassil tal-futur ta’ Malta

Fir-reshuffle li sar riċentement, il-Gvern ħa d-deċiżjoni politika li jiġi stabbilit Ministeru ġdid iddedikat kompletament għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-kordinazzjoni tal-istrategija post-COVID. Inewsmalta tkellem mal-Ministru inkarigat li jmexxi dan il-Ministeru, Owen Bonnici, fejn sostna li pajjiżna għandu bżonn ta’ dan il-Ministeru għat-tfassil tal-futur tagħna. Huwa wiegħed li se jaħdem fuq erba’ fuzjonijiet kruċjali u minkejja l-isfidi huma kbar, huwa kommess li jaħdem għax ninsabu proprju fil-mument opportun biex Malta twettaq din il-bidla radikali u importanti.

Il-Ministru Bonnici qal lil dan is-sit li d-deċiżjoni li jkun hemm dan il-Ministeru ġdid, kienet waħda tajba, f’waqtha u niżlet tajjeb ma’ firxa wiesgħa ta’ persuni. Il-messaġġ li joħroġ minn din id-deċiżjoni huwa wieħed ċar – it-tiġdid ekonomiku għandu rabta b’saħħitha ħafna mat-tisħiħ tal-investiment, tar-riċerka u tal-innovazzjoni. 

“Din hija opportunità biex inkabbar Ministeru li pajjiżna għandu bżonnu ħafna għax essenzjalment id-dekasteru ta’ dan il-Ministeru huwa l-futur. Sta għalina li nfasslu futur li huwa bbażat fuq ir-riċerka, ix-xjenza, l-arti u l-innovazzjoni,” spjega Bonnici.

Huwa qalilna li f’dan it-traġitt, beħsiebu jwettaq erba’ funzjonijiet kruċjali:

* Ikun il-vuċi tal-komunità tar-riċerka li għandha l-kapacità li bil-ftit tagħmel il-ħafna; 

* Ikun ta’ sostenn għar-riċerka għax jemmen li meta wżata tajjeb, issarraf f’Malta aħjar; 

* Jaħdem biex il-gradwati u speċjalizzati fis-settur ikollhom opportunitajiet ta’ xogħol xierqa f’Malta; u 

* Jaħdem biex is-settur privat japprezza l-valur tal-innovazzjoni u konsegwentament jinvesti, fejn ikun possibbli, biex itejjeb il-pożizzjoni tiegħu fis-suq lokali u possibilment f’dak internazzjonali abbażi tal-innovazzjoni.
Il-Ministru Bonnici, “minkejja li l-sfidi huma kbar, dan huwa l-mument opportun biex Malta twettaq din il-bidla radikali. Inwiegħed li flimkien mal-kollegi tiegħi fil-Kabinett, se naħdem biex nixpruna t-tkabbir ekonomiku, soċjali u l-ħarsien ambjentali ta’ Malta”.

Il-ħidma diġà bdiet…

Il-Ministru Bonnici, ftit ġranet wara li ġie appuntat b’dan ir-rwol, kellu laqgħa virtwali mal-Ministri tar-Riċerka tal-Unjoni Ewropea. Matul l-intervent tiegħu, il-Ministru Bonnici saħaq li huwa kruċjali li jkun hemm miri ċari fi ħdan iż-Żona Ewropea ta’ Riċerka dwar kemm għandhom ikunu l-livelli ta’ riċerka u innovazzjoni. Madanakollu, huwa saħaq li għandu jkun hemm il-flessibbiltà meħtieġa biex kull pajjiż individwali jiddetermina l-pjani tiegħu.
Huwa nnota li hemm disparitajiet sostanzjali fl-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea tant li dawk l-istati membri li għandhom l-inqas għodod jipparteċipaw biss f’5.6% tal-attivitajiet u strumenti ta’ “Horizon 2020”. 
Il-Ministru Bonnici qal li l-Framework Program għandu jkun kalibrat aħjar għall-benefiċċju ta’ dawk l-istati membri li għandu jkollhom iktar attività f’dawn iż-żewġ oqsma importanti. 

“Dan”, qal Bonnici, “huwa iktar importanti meta wieħed iqis l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija. Fid-dawl tal-isfidi, il-qofol tal-istrateġija għal wara l-COVID-19 għandu jkun l-investiment fir-riċerka u innovazzjoni. It-transizzjoni favur tiġdid diġitali u ambjentali ma tistax tinkiseb jekk l-ekonomija tagħna ma tkunx preparata għall-futur bis-saħħa tar-riċerka u l-innovazzjoni”.
Huwa temm jgħid li l-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli tagħti s-sostenn tagħha b’rispett lejn l-ekosistemi ta’ kull pajjiż.

Ekonomija

Sport