Saturday, December 21, 2024

Munita kommemorattiva bit-tema taċ-Ċittadella

Aqra wkoll

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ħareġ munita kommemorattiva taż-€2 u munita tal‑fidda, it‑tnejn li huma bit-tema taċ-Ċittadella.

Waqt it-tnedija ta’ dawn il-muniti, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri radd ħajr lit-tmexxija tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ta’ din l-inizjattiva fejn għażel liċ-Ċittadella bħala l-ewwel sit,  bit-tema ta’ ibliet iffortifikati Maltin, biex jidhru fuq il-munita taż-€2.

Il-Ministru Camilleri qal li ċ-Ċittadella hu sit imfittex minn kull min iżur il-gżira Għawdxija. “L-investiment massiċċ li sar biex iċ-Ċittadella terġa’ tikseb il-glorja li jixirqilha, verament ħalla l-frott. Dan ġie wkoll apprezzat mill-Unjoni Ewropea innifisha hekk kif lura fl-2022, dan il-proġett ta’ restawr u riġenerazzjoni rebaħ ir-RegioStars Awards,” sostna l-Ministru.

“Qed isir kull sforz biex iċ-Ċittadella tkompli titgawda u ssir aktar rikonoxxuta. Kien propju għalhekk li l-Ministeru laqa’ l-invit tal-Bank Ċentrali ta’ Malta fejn illum qed inniedu dawn iż-żewġ muniti li ser ikomplu jgħollu l-prestiġju ta’ din il-belt qadima fil-qalba ta’ Għawdex,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu, Alexander Demarco, Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta qal li ta’ kull sena, il-Bank joħroġ żewġ muniti kommemorattivi u għaldaqstant kien bix-xieraq li ċ-Ċittadella tkun tidher fuq din il-munita. “Bħala pajjiż għandna verament inkunu kburin bil-patrimonju li nħaddnu u nappella biex dan ikompli jiġi ppreservat, ikkonservat u mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet futuri,” qal l-Aġent Gvernatur.

Waqt is-serata Rev. Dr Joseph Bezzina, storiku, ta ħarsa dwar iċ-Ċittadella tul is-snin.

Ekonomija

Sport