L-eks Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva kitba fuq Facebook minn Avukat bħala “kompletament malafamanti” wara li l-Avukat implika li Muscat kien b’xi mod involut fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Muscat kien qed jixhed f’kawża ta’ libell li huwa fetaħ kontra l-Avukat Christian Grima wara kummenti li dan tal-aħħar għamel b’reazzjoni għal video clip ta’ mart Muscat, Michelle, li fiha tkellmet dwar x’ġara lil Caruana Galizia.
Fix-xhieda tiegħu, Muscat qal li lanqas l-aktar nies kritiċi tiegħu qatt ma kienu għamlu dawn l-allegazzjonijiet. Irrefera wkoll għall-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia u qal li mkien ma ssemma dak allegat minn Grima.
Muscat qal li dak li kien hemm miktub affettwah b’mod dirett minħabba li tpoġġa fl-istess keffa tal-qattiel. “Kien kumment li kellu riperkussjonijiet kemm fuq bażi personali kif ukoll professjonali,” qal ix-xhud.
L-Avukat ta’ Grima, Dr Carl Grech, qal li r-rimarki tal-klijent tiegħu ma ridux ifissru li kien Muscat li waħħal il-bomba, jew li b’xi mod għafas il-buttuna biex splodiet il-bomba iżda li ħoloq klima ta’ impunità li wassal għal dan l-assassinju.
L-Avukat Pawlu Lia, li qed jidher għal Muscat, irribatta li sitwazzjonijiet bħal dawn iqanqlu mibegħda u jwasslu għal konsegwenzi, u r-rapport ta’ inkjesta dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia ma kienx ġie ppubblikat fi żmien meta nkiteb il-kumment.
Fil-bidu tas-seduta, il-partijiet infurmaw lill-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Victor Axiak, li kienu għaddejjin diskussjonijiet bil-għan li tinstab soluzzjoni amikevoli.
L-Avukat ta’ Grima kien ikkomunika permezz ta’ nota bil-miktub ma’ Dr Lia għal dan il-għan. Madankollu, jidher li kien għad hemm xi nuqqas ta’ qbil dwar paragrafu partikolari f’dik in-nota.
Fid-dawl ta’ dan, il-proċeduri komplew, bl-avukat ta’ Muscat jgħid li għadhom miftuħa għal soluzzjoni amikevoli.
Il-każ ikompli f’Novembru.