Saturday, December 21, 2024

“Naf li lanqas hawn kważi ruħ fit-toroq… imma ddeċidejt li narma xorta waħda”

Aqra wkoll

Minn Claudio Coleiro

Għal Noel Castillo mill-Birgu, dan il-perjodu tal-Ġimgħa l-Kbira huwa l-isbaħ żmien tas-sena. Ta’ età żgħira kien iżejjen id-dar ta’ ommu bi drappijiet suwed u jarma vari żgħar waħda waħda tul ir-Randan kollu. Meta tfarfar u daħal fid-dinja tax-xogħol, bħal dan iż-żmien dejjem kien jieħu numru ta’ ġranet leave biex ikun jista’ jdur kull rokna li hawn Malta u jara l-ħafna wirjiet, pageants u dak kollu li jkun qed jiġi esebit.

Minkejja li sar midħla ta’ dawn il-wirjiet sbieħ li kienu jittellgħu f’dawn il-ġranet, qatt ma tħajjar li jkollu wirja tiegħu. U dan għal raġuni, kif qalilna Castillo stess, li jekk ikollu wirja tiegħu jintrabat u ma jkunx jista’ jgawdi dak li tant iħobb f’dawn il-ġranet – li jżur possibilment kull attività li tittella’.

Kien għalhekk li ddeċieda li jibda jżejjen il-faċċata tad-dar tiegħu b’pavaljuni mill-isbaħ għal dan iż-żmien. Huwa kien kellem lid-disinjatur Silvio Pace, li għamillu d-disinn ta’ kif jista’ jżejjen il-faċċata, u lill-ħajjat Alfred Bonnici li ttrasforma d-disinn f’realtà waqt li l-pittur Għawdxi Josef Camilleri ħadlu ħsieb il-pittura u l-isfumar kollu meħtieġ.

Biss pero’ din is-sena, bħal sajjetta fil-bnazzi faqqgħet il-kriżi tal-Coronavirus u waqt li tħassru l-manifestazzjonijiet kollha tal-Ġimgħa Mqaddsa, li tant huma għal qalb ħafna Maltin u Għawdxin, Noel kellu jieħu deċiżjoni jarmax jew le l-faċċata tad-dar tiegħu, kif kien ilu jagħmel għal dawn l-aħħar snin.

Huwa qalilna li dam ħafna jtella’ u jniżżel x’kellu jagħmel f’dan l-ambitu sakemm fl-aħħar iddeċieda li jarma xorta waħda. “Vera mhux se tgħaddi purċissjoni, vera lanqas hawn kważi ruħ fit-toroq… imma min-naħa tiegħi ħassejt li mhu qed nagħmel xejn ħażin li narma bħas-soltu.”

Noel jgħid li peress li s-sena li għaddiet ma kienx Malta, għax kien mar Sevilja fi Spanja biex jara manifestazzjonijiet tant popolari hekk magħrufa bħala Semanta Santa, din is-sena kien ħerqan aktar mis-soltu għal dawn il-ġranet sbieħ sakemm faqqgħet l-imxija tal-Coronavirus.

“Għall-bidu ma stajtx naċċettaha. U kienet għafsa ta’ qalb li diffiċli nfisser. Kif kont se nimla l-vojt ta’ dawk il-wirjiet u tradizzjonijiet li tant inkun qed ngħodd il-ġranet biex jaslu kull sena? Provajt nadatta ruħi u nidħol fl-entużjażmu xorta minkejja li s-sitwazzjoni preżenti ma tantx tħallik tidħol f’entużjażmu simili.”

Noel kompla jgħid li din is-sena qiegħed jgħix Ġimgħa Kbira b’differenza, “fejn lil hinn mit-tradizzjoni u l-folklor ta’ dawn il-ġranet, qed ngħix aktar il-vera sens ta’ dawn il-jiem, dak li għamel Kristu għalina bil-Passjoni u l-Mewt tiegħu.”

Huwa temm b’appell sinċier lil dawk kollha li bħalu dawn il-festi huma l-mimmi t’għajnejhom. “Is-sena d-dieħla tasal l-aħwa. U jekk Alla jrid forsi anke npattu għan-nuqqas ta’ din is-sena. Bħalissa importanti li tisimgħu minn dak li qed jgħidu l-Awtoritajiet tas-Saħħa u fis-skiet ta’ djarhom għamlu bħali u fittxu l-vera tifsira ta’ dawn il-ġranet filwaqt li lissnu talba żgħira għal dawk li qed isofru f’din il-kriżi u għal dawk li qed ikunu strumentali fil-qasam tas-saħħa.”

Ekonomija

Sport