Monday, May 13, 2024

Laqgħat mal-ambaxxaturi ta’ Spanja u Franza dwar l-immigrazzjoni illegali fil-Baħar Mediterran

Aqra wkoll

Illum il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri ltaqgħu mal-Ambaxxaturi ta’ Franza u Spanja dwar il-pożizzjoni tal-Gvern Malti li għal Malta sar impossibbli li fl-ibħra Maltin insalvaw immigranti li t-traffikanti tal-bnedmin qed jibgħatu lejn Malta illegalment.


Il-Ministri spjegaw kif il-virus COVID-19 ħoloq sfidi liema bħalhom għall-pajjiż, speċjalment fuq il-qasam tas-saħħa u l-infurzar tal-liġi. Ir-riżorsi u l-ispazju fiċ-ċentri tal-immigranti huma limitati għal kollox u l-wasliet ta’ aktar immigranti jipperikolaw il-ħidma li qed issir fost dawk l-immigranti li diġà jinsabu fostna. Huma fakkru wkoll li l-fruntieri ta’ pajjiżna huma magħluqa proprju minħabba dawn l-istess raġunijiet marbutin mas-saħħa u s-sigurtà ta’ kull min qed jgħix f’Malta fil-preżent.  


L-ambaxxatriċi ta’ Spanja qalet ukoll li anki Spanja għalqet il-portijiet tagħha u l-barranin mhumiex qed jitħallew jidħlu fi Spanja: la bil-baħar, la bl-ajru, u lanqas mill-art.


Il-Ministri Maltin qalu li l-kuntrabandu tal-immigranti reġa’ żdied mindu l-Ħadd li għadda l-vapur li jtajjar il-bandiera Ġermaniza tal-għaqda non-governattiva Sea-Eye sorġa barra l-ibħra Libjani u rreklama l-preżenza tiegħu u ħabbar li lest jieħu immigranti lejn l-Ewropa.


Il-Ministri Maltin qalu lill-ambaxxaturi ta’ Spanja u Franza li mal-wasla tal-vapur, it-traffikanti tal-bnedmin bdew jimlew id-dgħajjes bl-immigranti  bi ħlas ta’ eluf ta’ ewro u jibgħatuhom mil-Libja biex jinġabru mill-vapur li jtajjar il-bandiera Ġermaniza.


Il-Ministri Maltin qalu li l-instabbiltà fil-Libja u t-tixrid tal-coronavirus fil-Libja aktar qed iġibu sitwazzjoni ddisprata li faċilment tiġi sfruttata mit-traffikanti tal-bnedmin u li l-Unjoni Ewropea għandha tgħin lil-Libja f’din is-sitwazzjoni u ma tħallix lit-traffikanti tal-bnedmin ikomplu bin-negozju tagħhom u jibgħatu iżjed bnedmin lejn Malta.


Il-Ministru Evarist Bartolo waranofsinhar tkellem ukoll mal-Kap tal-Politika Barranija tal-Unjoni Ewropea Josep Borell u fissirlu x’inhi s-sitwazzjoni bħalissa fil-baħar bejn Malta u l-Libja u li jekk il-Libja ma tiġix megħjuna, it-traffikanti tal-bnedmin ser jibqgħu jipperikolaw il-ħajjiet tan-nies fiċ-ċentru tal-Mediterran.

Sport