Monday, May 13, 2024

”Ħallejna l-familja biex inservu lilkom. Tkunux aktar imbeċilli… Għalfejn qed toħorġu?”

Aqra wkoll

Minn Maria Azzopardi

Matul dawn il-jiem bosta huma dawk il-messaġġi minn diversi frontliners fejn qed jappellaw biex kulħadd isegwi dak li qed jgħidulna l-awtoritajiet tas-saħħa: Ibqgħu d-dar. Minkejja l-appelli kollha, f’dawn il-jiem ta’ festa u t-temp bnazzi erġajna rajna bosta minn nies li ħarġu barra minn djarhom u kien hemm uħud li ma żammewx mad-direttivi maħruġa.

Ħaddiema fil-qasam tas-saħħa kitbet messaġġ imqanqal fejn bdiet tirrifletti bejna u bejn ruħha hija u sejra x-xogħol    jekk hux se terġa’ lura d-dar, jew tara lit-tifla tagħha tikber jew lil żewġha li tant tħobb u l-familjari għeżież tagħha fosthom il-ġenituri tagħha.

Inti li qed taqra dan il-messaġġ, toħroġx mid-dar

“Mistoqsijiet li m’hemmx risposta għalihom, pero hemm azzjoni. Inti li qed taqra dan il-messaġġ, toħroġx mid-dar,” qalet din il-ħaddiema. Hija żiedet tgħid li għandha mistoqsija waħda: “Għalfejn qed toħorġu? Sħabi u jien qegħdin fuq quddiem ta’ din il-ġlieda għajjenin, imbikkma, imdejqa u frustrati. Tkunux aktar imbeċilli. Ibqgħu d-dar!”

Hija żiedet tgħid li ma jridu l-ebda ċapċip, l-ebda grazzi ħlief li kull wieħed u waħda minnha nagħmlu sforz kollettiv u nibqgħu ġewwa. “Jekk jiġri xi ħaġa lilna, intom u l-għeżież tagħkom ma ssibux min jgħinkom. Aħna lkoll ħallejna l-familji tagħna biex inservu lilkom u intom minflok mhux qed tirrispettawna. Istħu jekk tafu kif.”

Sport