Thursday, December 26, 2024

NAGĦMLU L-AQWA UŻU MILL-FONDI EWROPEJ

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Pajjiżna għandu rekord tajjeb ħafna minn fost l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, dwar kif jonfoq il-fondi Ewropej allokati lilu mill-Baġit Ewropew. Qed naħdmu bis-sħiħ biex l-allokazzjoni li kellha Malta għas-snin 2014-2020 tintefaq kollha u bħalissa ħafna proġetti ko-finanzjati minn dan il-programm qegħdin joqorbu lejn it-tmiem tagħhom peress li l-Kummissjoni Ewropea tagħtina żmien sa l-aħħar tal-2023 biex nagħlqu kompletament dan il-programm ta’ infieq.

Issa, l-isfida li għandna quddiemna fis-seba’ snin li bdew jgħoddu minn Jannar li għadda, hija li nonfqu id-doppju tal-fondi Ewropej li kellna fis-seba’ snin ta’ qabel. Għal dan il-perjodu, irnexxielna nġibu lejn Malta allokazzjoni rekord ta’ €2.27 biljun li rridu ninvestuhom bl-akbar għaqal biex pajjiżna jieħu l-benefiċċju massimu li jista’ minn dawn il-flus.

Kien għalhekk li wara xhur ta’ konsultazzjoni interna ma’ diversi entitajiet, fosthom ministeri u awtoritajiet governattivi, organiżazzjonijiet privati, għaqdiet mhux governattivi u esperti Maltin u barranin, bdejna nippubblikaw dokumenti li fihom it-tagħrif kollu dwar il-proposti tal-Gvern dwar kif ser jintefqu dawn il-fondi. L-ewwel bdejna bid-Dokument dwar il-Fond ta’ Rkupru u Reżiljenza b’nefqa proposta ta’ €345 miljun f’bosta inizjattivi, fosthom aktar minn nofs l-infieq li se jmur għal proġetti ambjentali u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Nittamaw li dalwaqt ikollna l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex inkunu nistgħu nibdew inwettqu dan il-programm ta’ infieq.

Imbaghad ressaqna għall-konsultazzjoni pubblika id-dokument dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus bi proposti għal-nefqa ta’ €193 miljun li se ninvestuhom biex insaħħu l-opportunitajiet tax-xogħol għal kull settur tas-soċjeta, ninvestu f’edukazzjoni ta’ kwalita u ngħinu lil dawk l-aktar vulnerabbli fosthom dawk imċaħħda minn affarijiet materjali.

Għadna kif ipproponejnha dokument ieħor għall-konsultazzjoni pubblika din id-darba bi proposta għal nefqa ta’ €971 miljun mill-Fond ta’ Koeżjoni, mill-Just Transition Fund u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Fil-jiem li għaddew tajna d-dettalji dwar il-proposti tagħna għal dan l-infieq u issa qed nistennew ir-reazzjoni ta’ kull min hu interessat biex jagħtina l-kummenti tieghu dwar il-proposti tagħna. Qegħdin nipproponu biex fost affarijiet oħra, minn dawn il-Fondi Ewropej inwettqu dawn il-proposti:

  • Sptar ġdid għal mard mentali akut
  • Shore-to-Ship fil-Freeport f’Birżebbuġa
  • €60 miljun ta’ investiment dirett f’Għawdex
  • Charging Points għall-karozzi mal-pajjiż kollu
  • Ghotjiet diretti u strumenti finanzjarji lill-intraprizi kbar, żgħar u ta’ daqs medju għal investimenti għal efffiċjenza fl-enerġija u għall-qalba diġitali
  • Investimenti fil-provista tal-ilma u new water
  • Faċilità għall-ipproċessar ta’ skart organiku
  • Business Incubation Centre ġdid
  • “Green Corridors”, spazji miftuħa u tisħiħ tas-siti Natura 2000

Se nużaw dawn il-fondi biex inkomplu nagħtu spinta lill-ħidma tagħna biex nikkumbattu il-fenomenu tat-tibdil fil-klima għaliex irridu nilħqu l-miri ambizzjużi tal-Unjoni Ewropea li sas-sena 2050, l-Ewropa tkun ħielsa mill-emmissjonijiet tal-karbonju li huma l-kaġun tat-tisħin fil-klima tad-dinja.

Il-viżjoni tagħna hija waħda għat-tul u għaldaqstant qegħdin naraw li fil-proposti kollha li qed nagħmlu dwar kif se nonfqu l-Fondi Ewropej, nipproponu infieq li jkun qed jipprepara lill-pajjiżna għall-isfidi kollha li se jkollna quddiemna fis-snin li ġejjin, mhux biss l-isfidi ambjentali imma anke wkoll li pajjiżna jkompli jimmodernizza ruħu ħalli jkollu ekonomija diġitaliżżata u intelliġenti. Bit-twettieq ta’ din il-viżjoni tagħna inkunu qegħdin nassiguraw futur mill-aqwa għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna u għajxien aħjar għall-familji kollha Maltin u Għawdxin.

Il-kummenti jew suġġerimenti fuq il-proposti tagħna jistgħu jintbagħtu lil [email protected] sat-8 ta’ Ottubru li ġej.

Stefan Zrinzo Azzopardi – Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ekonomija

Sport