Saturday, December 21, 2024

“Nagħtu d-dritt lill-impjegati kollha li jitolbu li jaħdmu xi ġranet mid-dar”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet sellem il-memorja ta’ Rita Ellul u qal li dan l-aħħar omiċidju jikkonferma kemm l-awtoritajiet għandhom l-obbligi li jieħdu ħsieb is-sigurtà tal-persuni. Sellem lill-Korp tal-Pulizija u appella biex kull rapport jittieħed b’serjetà.

Grech qal li gvern Nazzjonalista jrid li jibni qafas sod li jassigura bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-familja għalhekk se jkun qiegħed jestendi l-paternity leave minn ġurnata għal 15-il ġurnata. Porzjon żgħir minn dan il-perjodu jista’ jittieħed mal-omm biex igawdu t-twelid tal-istess tarbija.

Barra minn hekk, Grech ħabbar ukoll li gvern Nazzjonalista jintroduċi ħlas liż-żewġ ġenituri waqt il-perjodu tal-parental leave ta’ xahrejn offrut lil kull ġenitur li jrid jittieħed qabel l-ulied jagħlqu t-tmien snin. Huwa qal li dan se jingħata apparti għall-ġenituri li jadottaw.

Qal li dawn il-prinċipji għandhom japplikaw bl-istess kundizzjonijiet ukoll għal min iħaddem biex dawn ikunu jistgħu jieqfu għal ċertu perjodu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li gvern Nazzjonalista joħloq skema ta’ appoġġ finanzjarju għal servizzi ta’ nanny/child-minding mat-tfal għal ġenituri ħaddiema, inklużi s-self employed. Is-sick leave ikun jista’ jintuża wkoll f’ċirkostanzi li t-tfal tagħhom ikunu ma jifilħux. 

Gvern Nazzjonalista se jkun qiegħed jagħti lill-ħaddiema d-dritt li jitolbu għal temporal flexibility fir-rigward ta’ x’ħin jibdew u x’ħin jispiċċaw jaħdmu b’arranġament ma’ min iħaddem. Min iħaddem huwa obbligat li jikkunsidra dawn it-talbiet u jrid jagħti ġustifikazzjoni bil-miktub f’każ li jirrifjuta.

Ħabbar ukoll li gvern Nazzjonalista se jkun qiegħed jagħti dritt lill-impjegati kollha biex jitolbu li jaħdmu mid-dar, jew minn xi post ieħor numru ta’ ġranet fil-ġimgħa. Hawnhekk ukoll, min iħaddem huwa obbligat li jikkunsidra dawn it-talbiet u jrid jagħti ġustifikazzjoni bil-miktub f’każ li jirrifjuta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li għaliex il-partit immexxi minnu jemmen fir-remote working se jara li jkompli jimbotta dan il-kunċett biex ikompli dak li kien inbeda fi żmien il-pandemija. Huwa sostna li wieħed mill-vantaġġi tar-remote working huwa li tonqos il-konġestjoni tat-traffiku. Biex isaħħaħ dan l-argument, gvern immexxi minn Grech jagħti rifużjoni tat-taxxa lil min iħaddem u jinvesti f’għamara ergonomika għall-ħaddiema. Barra minn hekk, dawk li jaħmdu mid-dar għandhom jiġu offruti wifii bla ħlas.

Huwa temm jgħid li gvern Nazzjonalista jħares il-protezzjoni ta’ nisa tqal li jaħdmu biex bl-ebda mod dawn ma jiġu żvantaġjati.

Ekonomija

Sport