Thursday, July 30, 2026
Home Sport Naħseb li hija ħolma għal kull plejer Għawdxi li xi darba jew...

Naħseb li hija ħolma għal kull plejer Għawdxi li xi darba jew oħra iktar minn qatt qabel jilbes il-flokk tal-klabb glorjuż ta’ Victoria Hotspurs – Adrian Parnis

0
86

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Il-passoni tiegħi lejn il-futbol nibtet meta f’raħal twelidi, il-Munxar, konna noħorgu nilagħbu il-ballun fit-triq ma’ sħabi li sfortunatament illum il-ġurnata ma tantx għadek taraha. Peressli aħna konna noqgħodu faċċata tal-grawnd tal-futbol tar-raħal, kienet ħafna iktar faċli li nsir inħobb il-ballun.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala goalkeeper ta’ Victoria Hotspurs FC.

Għalkemm hija esperjenza ġdida fid-diviżjonijiet inferjuri tal-futbol Malti, hija esperjenza sabiha ferm li titgħallem ħafna minnha. Naħseb li hija ħolma għal kull plejer Għawdxi li għandu ambizzjoni li jikber fil-karriera kalċistika tiegħu li xi darba jew oħra iktar minn qatt qabel jilbes il-flokk tal-klabb glorjuż ta’ Victoria Hotspurs.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Oliver Spiteri?

Oliver Spiteri huwa kowċ magħruf ħafna fil-futbol Malti, u għandu ħafna rispett minn kulħadd kemm mil-kamp ta Victoria Hotspurs kif ukoll minn kull min hu involut fil-futbol Malti inġenerali. Tista’ tgħid li huwa wiehed mil-aqwa kowċis li hawn ġo Malta fil-preżent. Huwa jiżgura li l-plejers jisfidaw lilhom infushom kontinwament, u għandu kapaċità biex jikkultiva kemm l-għaqda tal-grupp kif ukoll l-impenji individwali.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?

L-andament tat-tim dan l-istaġun kien wieħed kważi perfett fejn irbaħna kull logħba għad-dispożizzjoni tagħna sal-lum il-ġurnata għajr waħda meta lgħabna mat-tim li rebaħ l-ewwel fażi tal-Malta Premier.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragwardi tagħna ta’ dan l-istaġun kien li nirbħu kull logħba għad-dispożizzjoni tagħna. Għandna vantaġġ sostanzjali fil-klassifika u tista’ tgħid li hemm ċans kbir li nsiru champions hekk kif fadlilna punt wieħed biss biex nagħmlu dan.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell tal-futbol Malti fl-aħħar snin wera żvilupp, għalkemm għad hemm sfidi u limiti. Għandu jkun hemm pjan ħolistiku biex il-livell dejjem jibqa’ jitjieb.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Aħna qegħdin nikkompetu fl-iżgħar diviżjoni tal-futbol Malti, allura ma nistgħux nippretendu li nilagħbu fl-aqwa grawnds li hemm għad-dispożizzjoni tal-kampjonati Maltin. Naspiraw li fil-futur nilagħbu fi grawnds ta’ livell ogħla.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

Fil-ħajja xejn ma jiġi mingħajr sagrifiċċju u determinazzjoni. Kull min jixtieq jibda jilgħab il-futbol għandu bżonn jegħleb il-biżgħat tieghu u jħares ‘il quddiem b’passjoni, determinazzjoni u dedikazzjoni. Il-futbol huwa sport li jrid ħafna taħriġ, imħabba għalih, u fidi fil-kapaċitajiet tiegħek.