Tuesday, August 19, 2025

“Naħseb li mhuwiex sewwa li l-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista ma’ kinux pubblikati”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Nistaqsuh  dwar il-fatt li l-Partit Nazzjonalista kien qiegħed jagħmel kritika fuq il-finanzi tal-pajjiż. Imma kif qatt jista’  l-PN ikun kredibbli dwar dan  meta l-finanzi tal-PN mhumiex kif suppost u ġew immexxija b’mod ħażin ħafna tul is-snin. Tant li lanqas uffiċjalment ma’ tafu x’inhi s-sitwazzjoni. Quddiem dan xi kredibilita jista’ jkollu l-PN?  Ma tħossx li kien żball kbir li tmexxija tal-PN ma infurmatx b’mod uffiċjali dwar is-sistwazzjoni finanzjarja? 

Adrian Delia iwieġeb li “naħseb li mhuwiex sewwa li l-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista ma’ kinux pubblikati. Sa meta kont jien kap tal-PN dejjem ġew pubblikati. Jien inwiegħed li minnufih jerġgħu jibdew jiġu pubblikati. Dak mhux biss obbligu imma hu ħtieġa għat-trasparenza. Imma minkejja dan inti ma tistax tqabbel sitwazzjoni finanzjarja tal-partit ma’ dik tal-pajjiż. 

Il-pajjiż għandu l-għejun tiegħu ta’ dħul neċessarji, l-għodod tat-taxxi biex jiġbor u mbagħad iqassam  u strumenti oħrajn ta’ kif ikun hemm id-dħul kontra l-infieq li tagħmel il-kaxxa tal-Malta   Partit  m’għandux dan ħlief jekk għandu l-proprjetajiet idaħħal minnhom u jistrieħ fuq dawk li huma donazzjonijiet.  Issa mhux biex inkun kritiku imma hawn min għandu arranġamenti ma’ negozji kbar illi jgħinuh biex ikollu dħul sostanzjali,  li jegħleb il-kejl tal-ftit mingħand il-ħafna. Imbagħad niġu bil-ħafna mingħand il-ftit bil-periklu li jkun hemm l-ispag illi jiġbdu u jiddettaw kif għandha ssir il-politika jew mingħandu jiġu preferut għax qed iħallas ħafna. Jien diġa wegħdt li minn Settembru ‘lquddiem nerġgħu inkunu f’qagħda li nibdew intejbu is-sitwazzjoni finanzjarja tal-partit u importanti li dak l-eżerċizzju juri ukoll l-abbiltà ta’ min qed imexxi li eventwali jkun kapaċi jmexxi l-pajjiż”.

L-ammont twil ta’ żmien biex inħatar awditur b’rabta mal-kontijiet finanzjarji tal-PN, kif tħares lejha?

Delia jgħidilna li “ħa ngħidlek. Hemm xi ħaġa li mhix ġusta. U din naraha jien meta niltaqa’ ma’ diversi professjonisti, li anke qed jipparteċipaw fl-attivitajiet tiegħi bħalissa, ma jkunux iridu jidhru.  Għax jibżgħu. Din mhix tajjeb li tibża’, għax tibża’ mill-gven għax għandek xogħol mingħand il-gvern li jekk se tassoċċja ruħek mal-PN jew ma’ kandidati mhux se jtuk ix-xogħol mhux se jtuk tenders jew direct orders. Dak li staqsejt inti irid jittieħed f’dak il-kuntest.

Staqsejnieh kif nhar it-Tlieta inħareġ ir-rapport tad-due diligence. Minnu sar magħruf li hu ħallas it-taxxa f’Ġunju. L-istess żmien li rriżenja Bernard Grech. Id-domanda kienet ċara: inti ħallast it-taxxa qabel jew wara li rriżenja għax tagħmel differenza.

Adrian Delia jgħidilna li “jien inħallas it-taxxa l-ħin kollu. Hawn min jagħżel li ma jagħtix id-dikjarazzjoni li għandu jagħti lill-Parlament u ma ppublikahiex ħalli kulħadd ikun jista’ jara b’mod trasparenti dawk li huma l-assi, dħul u ħruġ tal-politiċi tagħna. Jien issa ilni ħames snin fi prattika privata. Bdejt bil-mod sakemm inġib il-klijentela. Ħallast it-taxxa regolarment. Issetiljajt  kollox għax f’Ġunju jkun hemm id-‘deadlines’ normali biex imbagħad għandi tax compliance certificance u allura m’hemm ebda problema ta’ xejn.

Nistaqsuh kif fid-diskors qegħdin tenfasizzaw l-għaqda imma l-eks Deputat Nazzjonalista Mario Galea iddikjara li hemm deputati tal-PN li qed jagħmlulhom ħajjithom infern. Li huma imdejqin. Xi twieġeb għal dan?

L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia jwieġeb li “Mario Galea ħabib tiegħi u nsellimlu. Mario iddedika 35 sena ta’ ħajtu fil-politika u ta’ dan nirringrazzjah. Għadda minn ħafna. Għadda minn żminijiet diffiċli. Kien qed jitkellem fuq l-esperjenża tiegħu u tal-ħbieb tiegħu. Mario m’għadux fil-politika. Hu ħażin, u  bla riservi ngħidha meta jkun hemm politiċi li qed joffru, li m’għamlu ebda ħażin anzi għamlu tajjeb biss, li jiġu trattati ħażin. Lil Mario kont ħabib tiegħu, għadni u nibqa’ ħabib tiegħu. Għada pitgħada jekk kolli l-privileġġ li nmexxi l-PN, lilu  u lil kull min weġġgħhom il-PN,  mhux talli nerġgħa nitlob skuża, iżda nara li fejn hu possibbli insewwu l-weġgħat.

Fhimtek sew li se titlob skuża lil dawk li telqu? Lil dawk li kienu mweġġgħin?

Adrian Delia jgħidilna li “aktar minn dawk li telqu, għax li titlaq m’għandek għalfejn titlob skuża għax hi għażla. Naħseb li lil kull min weġgħajnieh, naħseb li hu sinjal ta’ rispett, ta’ diċenza. 

M’għandix diffikultà nagħmilha imma mhux biss biex inkunu għamilnieha. Jekk f’Settembru nkun il-kap tal-partit u eventwalment ikun hemm Gvern Nazzjonalista, noħloq aġenzija b’saħħa ta’ liġi biex jekk inti għandek raġun tieħdu u tieħdu fil-ħin. Jekk inti Nazzjonalist li fi żmien Gvern Nazzjonalista kellek raġun u ma ħadtux jew  jekk Nazzjonalist u fi żmien Gvern Laburista ma ħadux jew jekk int Laburist u taħt gvern Laburista kellek raġun u ma ħadtux u dawn hawn ħafna minnhom,  fi żmien sena li iddaħħal it-talba jingħataw raġuni. Jekk din l-aġenzija ittawwal, hi, ikollha brief biex ma ttawwalx,  xorta tingħata raġun għax id-dewmien jaħdem favur min japplika. U hemm nibdew minn punt ta’ ġustizzja, ta’ sewwa. Ta’ dawn il-ħafna hemm barra li għax kienu żgħar, individwi, għax kienu waħidhom, ma ingħatawx saħħa u raġun. Allura naħseb li din hi xi ħaġa li toħloq ġustizzja.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport