Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Bdejt nilgħab waterpolo minn età żgħira wara li rajt lil ħija jilgħab, u minn dakinhar l-imħabba tiegħi għal dan l-isport kompliet tikber. Matul is-snin, ġbart esperjenza vasta meta lgħabt fl-italja u fil-logħob kompetittiv u internazzjonali, inkluż il-kwalifikazzjonijiet u kompetizzjonijiet Ewropej. Fil-preżent, nilgħab ma’ Sirens ASC, fejn rbaħna l-kampjonat tax-xitwa, tas-sajf, Knockout u kif ukoll is- Super Cup.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’taħseb li kien is-sigriet tas-success tar-rebħ tal-erba’ trofej minn Sirens ASC?
Naħseb li s-sigriet tas-suċċess tar-rebħ tal-erba’ trofej ma’ Sirens ASC huwa li bħala klabb dejjem nipparteċipaw f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Grazzi għall-investiment tas-Sirens fil-waterpolo tan-nisa – bħal Challenger Cup, Gauteng Cup fis-Sudafrika, Nordic Cup u l-Easter Tournament – għandna l-opportunità nilagħbu ħafna logħob ta’ livell għoli. Din l-esperjenza tagħtina preparazzjoni sħiħa u kompetittività li kienet ċavetta biex inkunu lesti u nerbħu l-league u l-bqija tat-trofej kollha f’Malta.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Aurelien Cousin?
Aurelien Cousin huwa kowċ b’esperjenza kbira li dejjem jippreparana b’dedikazzjoni u serjetà għal kull logħba. Huwa jispikka bil-motivazzjoni kontinwa tiegħu u bit-twemmin qawwi fil-potenzjal tat-tim tagħna, u għal dan aħna tassew grati.
X’sehem ewlieni kellha l-plejer Griega Margarita Plevritou f’dan is-suċċess, u kemm tgħallimt mingħandha?
Il-plejer Griega Margarita Plevritou kellha rwol eċċezzjonali fit-tim, speċjalment bħala difensura. Id-dixxiplina tagħha, kemm ġewwa kif ukoll barra mill-ilma, flimkien mal-konsistenza li turi anke taħt pressjoni intensa, huma tassew ta’ ammirazzjoni. Minnha tgħallimt il-valur li tieħu rwol ta’ tim b’sens ta’ responsabbiltà u li tibqa’ kalma u ffukata f’kull sitwazzjoni.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-waterpolo tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?
Għalkemm fil-kampjonat hemm biss tliet timijiet jieħdu sehem, il-livell tal-waterpolo tan-nisa f’Malta qed jiżdied b’mod konsistenti. Il-fatt li nistgħu niksbu plejers barranin biex jilagħbu tagħti esperjenza addizzjonali, peress li tkun qed tadatta għal logħob u stili differenti. Nixtieq nara iktar klabbs jinvestu fit-timijiet tan-nisa u fil-progress tat-tfajliet fil-waterpolo.
U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Ma’ Sirens għandna l-privileġġ li nistgħu nużaw kemm pixxina ta’ ġewwa kif ukoll ta’ barra, kif ukoll gym. Dan jagħmilha ħafna iktar faċli biex ikollna l-ispazju u r-riżorsi neċessarji biex nitħarrġu u nilagħbu logħob kompetittiv b’mod effettiv.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħi fil-waterpolo?
Inħares lejh b’entużjażmu u determinazzjoni. Għandi l-ħsieb li nkompli nikber bħala plejer u nagħti kontribut biex inħalli impatt pożittiv fuq it-tim u fuq iż-żgħażagħ li ġejjin warajja. Nixtieq nkompli ntejjeb il-livell tiegħi, nitħarreġ b’mod professjonali kemm jista’ jkun, u nkompli nikkontribwixxi lit-tim u għall-isport tan-nisa f’Malta.
Parir u ispirazzjoni għal tfajliet li jixtiequ karriera fil-waterpolo: Inħeġġeġ bis-sħiħ lill-ġenituri biex jintroduċu lil uliedhom għal dan l-isport minn età żgħira, peress li jgħallem valuri kbar bħal dixxiplina, ħidma f’tim u reżiljenza. Fl-istess ħin, inħeġġeġ lil kull tifla li għandha passjoni għal dan l-isport biex timxi b’kuraġġ u determinazzjoni, għax b’impenn u dedikazzjoni tista’ tilħaq livelli għoljin u tirrealizza l-ħolm tagħha.
Il-waterpolo mhux biss jagħmel lill-atleta aħjar, iżda wkoll persuna aħjar, peress li jgħallem valuri fundamentali u jgħinek iżomm stil ta’ ħajja aħjar. Huwa importanti li nirrikonoxxu l-isport bħala forma ta’ edukazzjoni u wkoll bħala opportunità għal karriera.
Biex tikseb suċċess u tibqa’ reżiljenti, huwa essenzjali li jkollok appoġġ kemm mill-familja kif ukoll mill-kumitat tal-klabb, li tkun iddixxiplinata fil-logħba u li temmen fil-kapaċitajiet tieghek u tat-tim tiegħek!