Sunday, July 26, 2026
Home Sport ‘Eċċitat biex nagħti dak kollu li naf ma’ Senglea Athletic FC biex...

‘Eċċitat biex nagħti dak kollu li naf ma’ Senglea Athletic FC biex ikollna staġun pożtitiv’ – Leejoe Schembri

0
54

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Bdejt inħobb il-futbol mill-iskola u għax kont nara lil ħuti jilagħbu.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Senglea Athletic FC?

Inħares ‘il quddiem b’ottimiżmu kbir mal-klabb ta’ Senglea Athletic li laqagħni ħafna. Hawn tim sod ħafna, kowċis bravi u kumitat ħabrieki u eċċitat biex nagħti dak kollu li naf biex ikollna staġun pożtitiv!

Iddeskrivi l-esperjenza issa passata tiegħek ma’ Birzebbugia SP FC.

L-esperjenza tiegħi ma’ Birzebbugia SP FC evidenti kienet waħda pożittiva ħafna. Ilħaqna t-tragward tagħna u iktar għax ksibna d-double kontra s-saħħa tal- Għawdxin ta’ Victoria Hotspurs FC. Grat ħafna għall-kumitat u għall-kowċis Edward Azzopardi u Claude Carbonaro. Ovvjament din l-esperjenza ma ntemmitx kif xtaqt jien, peró dak hu l-futbol, sfortunatament!

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Naħseb li l-futbol sar iktar interesanti mill-BOV Challenge League san-National Amateur League 2. Ma nistax ngħid l-istess għall-Malta Premier għaliex fl-opinjoni tiegħi b’dawk il-plejers barranin kollha ma tantx għad hemm interess biex tmur tara logħba, u fl-aħħar mill-aħħar, xorta waħda qatt s’issa għadu tim Malti ma kkwalifika fgħall-fażi tal-gruppi fl-Ewropa, jiġifieri jien naħseb li ma morniex ‘il quddiem, pjuttost lura meta tara kemm ikun hemm partitarji l-grawnd u l-atmosfera li jkun hemm.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Bħala grawnds, naħseb li għamilna passi ‘l quddiem speċjalment meta tqis li jien trabbejt nilgħab fuq iż-żrar ġewwa Birzebbugia.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi lit-tfal u ż-żgħażagħ huwa biex l-ewwelnett jieħdu pjaċir jilagħbu l-futbol u jeħduh bis-serjetá għax il-ħajja ta’ futboler jaf tkun qasira u kiefra, allura l-messaġġ tiegħi huwa li jgawduh kemm jistgħu, għax qatt ma taf meta l-aħħar li se tilgħab il-futbol!