Fl-aħħar sigħat l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti Nancy Pelosi bdiet sensiela ta’ żjarat f’erba’ pajjiżi Asjatiċi, u s’issa ma kien hemm l-ebda referenza għat-Tajwan li f’dawn l-aħħar jiem kienet is-sors ta’ diżgwid diplomatiku bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti.
Stqarrija għall-istampa li l-uffiċċju ta’ Pelosi ħareġ kienet tgħid li, “l-Ispeaker Nancy Pelosi qiegħda tmexxi delegazzjoni tal-Kungress fir-reġjun Indo-Paċifiku, li tinkludi żjarat f’Singapore, il-Malażja, il-Korea t’Isfel u l-Ġappun.” Filwaqt li l-istqarrija semmiet lil dawn il-pajjiżi, ma kien hemm l-ebda referenza għal xi waqfiet li jista’ jkun hemm f’żoni partikolari bejn dawn iż-żjarat. L-istqarrija kompliet tgħid li, “dan il-vjaġġ se jiffokka fuq is-sigurtà komuni, is-sħubija ekonomika u l-tmexxija demokratika fir-reġjun Indo-Paċifiku.”
Tard il-ġimgħa li għaddiet, iċ-Ċina kellha kliem serju u ta’ twissija lejn l-Istati Uniti dwar il-possibbiltà li Pelosi tista’ tkun qiegħda żżur it-Tajwan u b’hekk tagħti iktar sostenn lill-attivisti favur l-indipendenza. Iċ-Ċina tqis lit-Tajwan bħala provinċja tagħha u temmen bis-sħiħ li din trid terġa’ ssir parti integrali miċ-Ċina, saħansitra anke bl-użu tal-forza. Min-naħa tagħha l-Istati Uniti taqbel mal-politika Ċiniża ta’ “Ċina-Waħda” u b’hekk m’għandha l-ebda darbtiet diplomatiċi uffiċjali mat-Tajwan, iżda minkejja dan xorta waħda hemm kummerċ ta’ armi bejniethom biex din tal-aħħar tiddefendi lilha nnifisha. Nhar il-Ħamis li għadda l-President Ċiniż Xi Jinping kien wissa u qal lill-President Joe Biden li “dawk li jilagħbu man-nar jinħarqu.” Wara din it-telefonata, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tat-Tajwan kien qal li se tkompli għaddejja l-ħidma biex ir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti jkomplu jissaħħu.
Jekk Pelosi żżur it-Tajwan ċertament li din tkun mossa ta’ sinjifikat kbir, iżda ma tkunx l-ewwel darba li saret u dan hekk kif fl-1997 l-Ispeaker ta’ dak iż-żmien Newt Gingrich kien żar it-Tajwan.