Tuesday, April 23, 2024

Parti kbira ta’ dawk bla saqaf fuq rashom huma persuni barranin, li ħafna minnhom huma Afrikani

Dawk bla saqaf fuq rashom żdiedu bi 13 fil-mija …. iċ-ċentri madwar il-pajjiż jinsabu kollha mimlijin.

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-qalba ta’ Buġibba, familja barranija issibha fuq bankina filgħaxija. Maġenbhom ikun hemm l-affarijiet personali tagħhom. Każ ta’ familja li spiċċat barra minn darha.  Jippruvaw jaraw kif se jsibu akkomodazzjoni. Mhux kull akkomodazzjoni tgħodd għalihom għax għandhom restrizzjonijiet finanzjarji u mhux kull kirja tgħodd għalihom. Xejn mhu faċli isibu kirja bi €300 fix-xahar jekk mhux garaxx. Dawra ma’ Buġibba fit-tard billejl, issib diversi persuni bla saqaf fuq rashom.

Problema li ssibha f’żoni oħra fosthom fil-Gżira u Tas-Sliema. Iċċempel iċ-ċentri li hawn jagħtu kenn lil dawn il-persuni u tiġi infurmat li m’hemmx postijiet għax iċ-ċentri jinsabu mimlijin. Anki l-FSWS jispjegawalna li ċ-ċentri tagħhom huma mimlijin, waqt li jirrimarkaw li l-parti l-kbira tal-klijenti huma persuni barranin.

Filfatt mis-sena 2020 għas-sena 2021 qed jirriżulta li l-persuni bla saqaf fuq rashom żdiedu bi 23 fil-mija. Minn 279 persuna telgħu għal 317 persuna. Il-parti l-kbira huma persuni barranin, li ħafna minnhom huma Afrikani.

Sorsi li tkellmu ma’ Talk.mt qalulna li “r-realtà hi li żdiedu sew il-persuni bla saqaf fuq rashom. F’Buġibba hawn diversi. Naraw kif ngħinuhom  fejn l-ewwel prijorità tkun li jkollhom saqaf fuq rashom. Saret sfida biex issib postijiet fejn jilqgħuhom għax kollha mimlijin.” Tistaqsih il-kawża għal dan, u jweġibna, ‘ir-realtajiet huma differenti. Ikollok imma min jaqa’ lura fil-ħlasijiet jew jingħata ultimatum għax is-sid isib kirja aħjar. Kellna nies li spiċċaw fit-triq bl-affarijiet tagħhom kollha. Il-kwistjoni tal-kirjiet qed issir dejjem aktar sfida kbira. Dawn ikunu persuni, ħafna drabi waħidhom li ma jistgħux iħallsu kirjiet għolja. Dan mhux se jaffordja jħallas kirja ta’ €450 jew €500 kif inhuma l-kirjiet. Hemm ħafna i jkunu ġejjin mill-istess pajjiż li jingħaqdu flimkien u jikru appartament bejniethom. Oħrajn iħallsu għas-sodda biss, jiġifieri tkun f’kamra ma’ persuna jew aktar.”

L-istess sors jgħidilna li “x’se jiġri fil-futur ma nistax ngħid. Il-biża’ tiegħi hi li dawk bla saqaf se jkomplu jiżdiedu. Qegħdin diġà nesperjenzaw dan. Nemmen li hawn bżonn aktar strutturi biex jilqgħu fihom lil dawn in-nies, jew akkomodazzjoni rħisa għalihom. Qed ngħid dan għax hu fatt magħruf li għandna nies anki hawn Buġibba li r-residenza tagħhom hi bini mitluq li hawn fil-lokal. Ma naħsibx li dan hu tajjeb. Ma naħsibx li għax qegħin moħbijin għandna nibqgħu nagħlqu għajnejna għal dan. Dawn huma nies li għandhom bżonn l-għajnuna”.

317 persuna bla saqaf fittxew l-għajnuna tal-FSWS matul is-sena 2021. Minn informazzjoni maħruġa mill-FSWS fejn jirrigwarda persuni  bla saqaf fuq rashom naraw li fis-sena 2020 kien hemm 111 Maltin bla saqaf fuq rashom u s-sena li għaddiet kien hemm 69 każ. Jekk nieħdu l-persuni barranin naraw  li x-xejra tinbidel kompletament fejn minn 168 każ ta’ barranin bla saqaf fuq rashom fis-sena 2020 naraw li dawn telgħu għal 248 persuna bla saqaf fuq rashom.

Jidher li l-problema ta’ dawk bla saqaf fuq rashom hi qawwija ħafna fost il-persuni Afrikani. Filfatt waqt li bejn is-sena 2018 u s-sena 2020 il-każi ta’ dawk bla saqaf fuq rashom baqgħu stabbli, fis-sena 2021 il-każ ta’ Afrikani bla saqaf fuq rashom żdiedu sostanzjament. Waqt li bejn is-sena 2018 u s-sena 2020 kien hemm 106, 102 u 114 każi rispettivament, fis-sena 2021 dawn telgħu għal 192.

Il-każi ta’ Asjatiċi bi problema ta’ nuqqas ta’ saqaf fuq rashom u ta’ Ewropej li ġejjin minn pajjżi mhux tal-Ujoni Ewropea hu ħafna inqas, bi 13 u 5 każi rispettivament.

Aktar irġiel milli nisa bla saqaf fuq rashom

Jirriżulta li waqt li fis-sena 2020 kien hemm 93 każ ta’ irġiel bla saqaf fuq rashom fis-sena 2020 dawn telgħu għal 170 każ. Fejn jidħlu persuni femminili naaw li fis-sena 2020 kien hemm 21 persuna bla saqaf fuq rashom u dawn niżlu għal 16 fis-sena 2021.

Naraw li fis-sena 2021 kien hemm tlett irġiel bla saqaf fuq rashom li kienu ġejjin mill-kontinent Amerikan u każ ta’ mara bla saqaf minn dan l-istess kontinent, waqt li kien hemm 10 każi ta’ irġiel milll-Asja u tliet każi ta’ nisa Asjatiċi.

Kien hemm 29 każ ta’ persuni Ewropej li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li keinu bal saqaf fuq rashom u dan l-ammont kien akbar minn dak tas-sena 2020 fejn f’dik is-sena kien hemm 16-il persuna maskili bla saqaf fuq rashom. In-nisa żdiedu minn tliet każi għal ħames każi.

Nitkellmu mal-FSWS

Talk.mt għamel kuntatt mal-FSWS u staqsejnihom kemm kellhom talbiet biex joffru kenn lil persuni bla saqaf fl-aħħar xhur. 

Huma qalulna li “s-servizz tal-Homeless fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ jara numru ta’ persuni minn żmien għal żmien fejn individwi jew familji jfittxu l-għajnuna minħabba li jkunu f’riskju jew li eventwalment jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Ir-raġunijiet ivarjaw minn każ għal ieħor.”

Tennew li “s-servizz tal-Homeless, twaqqaf biex ħaddiema soċjali jaħdmu mill-qrib ma’ individwi li jinsabu bla saqaf fuq rashom. Il-ħaddiema soċjali jassessjaw u jevalwaw is-sitwazzjoni preżentata biex jistabilixxu r-raġunijiet ewlenin għalfejn l-individwu spiċċa bla saqaf fuq rasu u minn hemm, jippruvaw jagħmlu pjan ta’ għajnuna biex l-individwu jerġa’ jqum fuq saqajh f’qasir żmien. Ikun hemm sitwazzjonijiet fejn ċentri li joffru kenn lil dawk bla saqaf fuq rashom, jiġu esplorati f’każijiet ta’ bżonn jew isir kuntatt ma’ entitajiet oħrajn li jistgħu jkunu ta’ sapport f’dawn iċ-ċirkustanzi fosthom l-Awtorità tad-Djar, Jobsplus u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Jiġu esplorati alternattivi oħrajn bħal familja jew ħbieb li jkunu jistgħu joffru sapport f’dawn il-mumenti diffiċli. Il-pjan ta’ azzjoni isir dejjem skond il-bżonnijiet u l-abbiltajiet tal-persuna. L-għajnuna mill-ħaddiema soċjali tibqa’ tiġi offruta kemm waqt iż-żmien ta’ residenza fix-xelters varji, jekk ikun il-każ, u jekk mitlub, kif ukoll meta l-individwu jerġa’ jibda jgħix b’mod indipendenti fil-komunità.”

Nistaqsuhom kif inhi s-sitwazzjoni fejn jirrigwarda iċ-ċentri li joffru kenn lil dawk bla saqaf u jekk hux minnu li dawn huma mimlijin.

Jisħqu li “ċ-ċentri li joffru kenn lil dawk bla saqaf fuq rashom ivarjaw kemm fl-istruttura li huma jħaddnu kif ukoll fl-għadd ta’ nies li jkunu jistgħu jakkomodaw. Jeżistu ċentri li huma fuq bażi ta’ emerġenza fejn individwu jqatta’ l-lejl filwaqt li jeżistu ċentri oħrajn li jkunu jistgħu joffru iktar stabbilità, b’danakollu xorta għal perjodu definit ta’ żmien. Hemm ċentri fejn huma iffukati fuq irġiel biss jew nisa biss filwaqt li hemm ċentri li joffru akkommodazzjoni għal-familja flimkien.”

Itennu li “meta d-domanda għal dawn it-tip ta’ ċentri tiżdied, s-servizz tal-Homeless fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ jikkollaboraw iktar mill-qrib ma’ dawn iċ-ċentri u ssir komunikazzjoni fuq bażi regolari biex inkomplu noffru għajnuna ħolistika u effettiva li tilħaq il-bżonnijiet ta’ dawn l-individwi li jfittxu l- għajnuna. Il-ħaddiema soċjali min-naħa tas-servizz tal-Homeless ifformulaw u implementaw għodda  ġodda li qed jgħinu biex individwi fil-bżonn jiġu riferuti lil dawn iċ-ċentri. Ġie ffaċilitat il-proċess biex persuna tiġi riferuta u matul dan il-proċess jiġu kkunsidrati diversi aspetti li jinkludu l-aspett emozzjonali, is-saħħa kemm fiżika u dik mentali tal-individwu, l-abiltajiet u l-potenzjal tal-persuna kif ukoll il-ħiliet li dawn l-individwi jkollhom.”

Nistaqsuhom kemm għandhom ċentri għal dawk bla saqaf u jekk jaħsbux li dawn għandhom jiżdiedu. L-FSWS twieġeb li “l-professjonisti tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali jaħdmu mill-qrib ma’ tlettax-il ċentru li jinsabu f’Malta u f’Għawdex u li b’modi varji joffru tip ta’ kenn     għal dawk bla saqaf. Iċ-ċentri jaqgħu taħt entitajiet  differenti. Tlieta minn dawn ċ-ċentri joffru akkommodazzjoni fuq bażi ta’ emerġenza allura ż-żmien ikun wieħed pjuttost qasir filwaqt li l-oħrajn joffru akkommodazzjoni iktar fit-tul skond il-kriterji varji li huma jħaddnu. Iċ-ċentri li joffru kenn lil dawk bla saqaf mhumiex is-soluzzjoni aħħarija biex tittaffa  jew tissolva din il-problema soċjali. Minkejja li f’ċerti mumenti tinħass il-ħtieġa għal iktar riżorsi ta’ dan  it-tip, professjonisti tal-FSWS jidentifikaw il-bżonn li l-ħidma ssir fil-kommunità biex bil-ħiliet li dawn l-individwi jħaddnu jiġi evitat il-bżonn tal-interventi ta’ dawn   iċ-ċentri.” 

Mistoqsijin dwar jekk hemmx xi miżuri ġodda ippjanati biex tgħinu lil dawk bla saqaf fuq rashom, l-FSWS twieġeb li “xogħol ta’ prevenzjoni fil-kommunità hija l-iktar miżura effettiva li tista’ tgħin biex sitwazzjonijiet fejn individwi li jkunu f’riskju li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom jevitaw li tali sitwazzjoni sseħħ. Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali għandha diversi ċentri fil-kommunitajiet madwar Malta u Għawdex fejn ikun hemm ħaddiema soċjali   lesti li jisimgħu u jgħinu. Wieħed jista’ jċempel jew imur direttament f’dawn iċ-ċentri u flimkien tiġi evalwata s-sitwazzjoni, jiġu esplorati alternattivi u jsir pjan sħiħ flimkien. Is-servizzi jingħataw dejjem fuq bażi volontarja u minkejja li l-ħaddiema soċjali jiggwidaw u jinfurmaw, iħallu lill-individwu liberu li jagħmel deċizjoni nfurmata. Kif semmejna, kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħrajn kemm Governattivi u anke le jgħinu biex jiġu identifikati skemi jew għajnunjiet li jistgħu joffru sostenn lil dawn l-individwi.”

Min ma jkunx imlaqqam għal Covid19 ma jiddaħħalx?

Nistaqsuhom dwar ilmenti li waslulna minn persuni  li fittxew kenn u li ma ddaħħlux għax ma kienux imlaqqmin għall-Covid 19. L-FSWS twieġeb li “kull ċentru li joffri kenn għal dawk bla saqaf fuq rashom jħaddan strutturi li jvarjaw minn wieħed għall- ieħor. Mill-aspett operattiv mhux kollha joperaw bl-istess mod anke minħabba n-natura ta’ residenti li huma jkunu qed jilqgħu fi ħdanhom, b’danakollu mhux minnu li min ma jkunx imlaqqam kontra l-Covid-19 ma jiddaħħalx f’dawn iċ-ċentri. F’ċerti ċentri persuni jistgħu jintalbu jagħmlu ‘swab test’ qabel  ma’ jidħlu. F’dawn is-sitwazzjonijiet il-ħaddiema soċjali jiffaċilitaw biex jiġi bbukkjat ‘swab test’ u jiggwidaw lill-individwu tul il-proċess kollu.”

Hu minnu li qed ikun hemm każi fejn nies ma jiġux aċċettati għax xelters mimlijin?

Nistaqsu jekk hux minnu li qed ikun hemm każi fejn nies ma jiġux aċċettati għax m’hemmx post, bl-FSWS twieġeb li “s-sitwazzjoni tal-homeless tinbidel kontinwament. Din tiddependi minn kemm in-nies li diġà qegħdin fix-xelters idumu hemm skond il-pjani u l-bżonnijiet tagħhom. Il-professjonisti tal-Fondazzjoni jaraw illi jagħmlu kuntatt max-xelters kollha biex jiġi stabbilit x`inhi s-sitwazzjoni u kif jistgħu għinu lil kull min jiġi jitlob l-għajnuna. Il-moniteraġġ li l-FSWS tagħmel jgħin biex kontinwament ikun hemm stampa ċara u aġġornata tas-sitwazzjoni fix-xelters u b’hekk wieħed ikun jista’ jippreveni u jipprepara għal kull ċirkostanza. Il- prevenzjoni anke fejn jidħlu l-“homeless” hija essenzjali ħalli f`sitwazzjonijiet ta’ diffikulta’, ikun hemm pjan minn qabel kif se jiġu mgħejjunin  persuni li jiġu jfittxu l-għajnuna.”

Sport