Friday, November 22, 2024

Napoli jibdew id-dfiża tat-titlu b’rebħa fuq Frosinone

Aqra wkoll

Hekk kif bdiet tintlagħab l-ewwel ġurnata tal-Kampjonat tas-Serie A fl-Italja, iċ-champions Napoli bdew id-difiża tat-titlu b’rebħa fuq Frosinone, waqt li Verona barra minn darhom għelbu lil Empoli bl-iskor minimu ta’ 1-0.

Napoli v Frosinone
Napoli tħabtu iktar milli mistenni biex għelbu lin-neo-promossi ta’ Frosinone bl-iskor ta’ 3-1. Kienu Frosinone li ħasdu lil Napoli meta fetħu l-iskor permezz ta’ penalty ta’ Abdou Harroui (7). Iżda Napoli wettqu reazzjoni tajba u ġabu l-iskor indaqs minn Matteo Politano (24). Huma komplew fuq l-offensiva u qalbu l-iskor favurihom permezz tal-iskorer prolifiku Niġerjan, Victor Osimhen (42).

Fit-tieni taqsima, Frosinone, bdew joperaw bil-kontrattakki iżda sabu difiża ferm kumpatta u organizzata tal-Partenopei, li annullat għal kollox l-attakki tagħhom. Min-naħa l-oħra, Napoli, issiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal li wasal għal darb’oħra minn Victor Osimhen (79), biex b’hekk irreġsitra doppjetta personali fil-partita.

Empoli v Verona
Kienet partita nieqsa minn kull emozzjoni u kkaraterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground dik li fiha Verona, barra minn darhom, ħarġu rebbieħa fuq Empoli bl-iskor minimu ta’ 1-0. Il-goal tant importnati li wassal għar-rebħ ta’ tliet punti prezzjużi għal Verona wasal minn Federico Bonazzoli (75).

M’hemmx dubju li dawn iż-żewġ timijiet ftit jew wisq tal-istess livell se jkunu qed jissieltu biex iżommu posthom mal-elite tal-football Taljan fi tmiem l-istaġun.

Sport