Saturday, December 21, 2024

Napprezzaw biżżejjed?

Aqra wkoll

Ftit tal-ġranet ilu waqt diskursata ma’ ħabib tiegħi tkellimna fuq diversi suġġetti kurrenti. Tkellimna wkoll fuq il-familji tagħna, fuq uliedna u wlied uliedna. Kif jgħidu: il-kliem bħaċ-ċirasa. Tkellimna fuq karrieri ta’ wliedna u fuq id-differenzi fil-mod kif trabbejna aħna u l-mod kif rabbejna lilhom u huma lil uliedhom.

Il-ħabib tiegħi rrakkuntali fuq waħda minn uliedu li tgħix barra minn pajjiżna. Tgħix f’wieħed mill-aktar pajjiżi avvanzati fl-Ewropa tal-Punent fejn il-livell tal-ħajja huwa wieħed għoli ħafna. Għandha karriera. Ngħid il-verità ħasadni b’dan li se ngħidlek, għax anke hu kien sorpriż. Tkellimna dwar is-saħħa għax kien għadu kemm irrakkuntali li għamel xi eżamijiet mediċi Mater Dei u kien qed jistenna r-riżultati tagħhom.

Qalli Frans trid tesperjenza l-faċilitajiet li għandna Mater Dei biex tkun taf kemm aħna poplu xxurtjat li għandna dan kollu u b’xejn. Qalli dawn il-preċiżi kelmiet: “Fejn tgħix binti jekk ma jkollokx polza tal-assigurazzjoni s-servizzi tas-saħħa trid tinsihom. Imma mhux biss. Anke jekk ikollok polza tal-assigurazzjoni, meta tmur l-isptar se jqabbduk ma’ tabib partikolari u int ikollok x’taqsam miegħu biss. Insa li se jiġik tabib id-dar, avolja se tħallas privatament. Barra minn hekk meta tieħu polza ta’ assigurazzjoni tingħata ammont ta’ punti, ammont li jkun jiddependi minn kemm tkun tħallas. Kull darba li tmur l-isptar jitnaqqsulek ammont ta’ punti, skont x’servizzi tkun ingħatajt. Ovvjament tħallas kull sena u la darba tkun irrikorrejt għall-polza tal-assigurazzjoni l-ammont ta’ flus li tkun trid tħallas biex iġġeddiha jogħla għax tkun għamilt talba. Eżatt bħall-polza tal-assigurazzjoni tal-karozza. Aħna, Malta, bħala poplu ma nafux x’benefiċċji għandna. Ma nafux kemm aħna xxurtjati. Ma nafux, jiddispjaċini ngħid, napprezzaw.”

Irrid inserraħlek moħħok minn ħaġ’oħra qabel inkompli. Id-diskursata mal-ħabib tiegħi ma kinetx imsejsa fuq ambjent ta’ politika partiġġjana. Kif għedtlek, il-kliem bħaċ-ċirasa. Imma l-aħħar kliem tal-ħabib tiegħi dwar nuqqas ta’ apprezzament wassalni biex noqgħod naħseb ftit.

Għidt lili nnifsi meta tqis li fuq din id-daqsxejn ta’ blata għandna servizzi tas-saħħa kompletament b’xejn, mediċini b’xejn anke jekk hemm xi eċċezzjonijiet, ċentri tas-saħħa mal-pajjiż kollu, servizzi mediċi li jingħataw fi djar in-nies. Pensjonijiet diversi. Edukazzjoni b’xejn mill-benniena sal-qabar. Benefiċċji tas-sigurtà soċjali titfixkel fihom, tant hemm u tant ivarjaw. Trasport pubbliku b’xejn. Trasport għat-tfal tal-iskejjel, statali u le, b’xejn ukoll. Childcare Centres b’xejn. Għajnuniet diversi biex issir sid ta’ darek. Għajnuniet varji fejn jirrigwarda persuni b’diżabilità. U tista’ tibqa’ għaddej fuq oqsma oħrajn.

Waqt li kont għaddej b’dawn il-kummenti ġew quddiem għajnejja żewġ episodji li kont preżenti għalihom jien. Mhux x’qalli ħaddieħor. Esperjenzajthom jien. Kelli appuntament fi sptar privat. Ingħatajt biljett u suppost kelli l-ħin iffissat. Quddiem il-bieb tal-klinika fejn kien qed iservi l-professur konċernat kien hemm jistennew erbgħa oħra. Waħda minnhom qalet li l-appuntament tagħha kien diġà nqabeż b’aktar minn tliet kwarti. F’qalbi għidt mela jien għandi hawn ferm aktar minn siegħa. Pronta pronta qabżet oħra u qalet ‘’kieku konna Mater Dei u ilna nistennew daqshekk tgħidx x’ingergru!” U veru! Ovvjament wara dik l-istennija kollha u forsi 12-il minuta quddiem il-professur tħallas €70 tiegħu u €10 tas-siġġu.

L-episodju l-ieħor jeħodni lura 41 sena. Kont attendejt kors fil-ġurnaliżmu fl-Olanda li kien offrut b’xejn minn Radio Nederland taħt ftehim li kellhom ma’ diversi pajjiżi fosthom Malta. Darba minnhom waqt li konna qegħdin nieklu tkellimna dwar pajjiżna, kulħadd jgħid tiegħu, inkluż jien. Tkellimna dwar is-sistema edukattiva u dwar il-qasam tas-saħħa. Ovvjament jien għidt li dawn jipprovdihom b’xejn l-Istat. Wara l-ikel għajtitli waħdi l-persuna li kienet qed tmexxi l-kors u qaltli “jekk dak li għidt dwar pajjiżek huwa minnu allura int mhux suppost qiegħed hawn, għax kors bħal dan noffruh lil pajjiżi li m’għandhomx dak li għidt int.”

Minn dakinhar ‘il hawn is-servizzi b’xejn pajjiżna żdiedu qatigħ fid-diversi oqsma tal-ħajja. Lura lejn l-aħħar kliem li qalli fid-diskursata l-ħabib tiegħi: Ma nafux kemm aħna xxurtjati. Ma nafux, jiddispjaċini ngħid, napprezzaw.

Mhux se nkun daqshekk tassattiv, u għalhekk it-titlu tal-kummentarju tal-lum hu li hu. Int x’taħseb?

[email protected]

Meta se jsir dan il-ħajt?

Issa ilu ferm aktar minn sena li waqt l-unika maltempata li kienet għamlet f’dik ix-xitwa kienet waqgħet parti minn wieħed mill-ħitan taċ-Ċimiterju ta’ Sant’Andrija, Ħaż-Żebbuġ. Il-ġebel tiegħu għamel xhur sħaħ mitluq fejn waqqgħetu n-natura. Għaddew ix-xhur u parti mill-ġebel tħalla fuq barra u għadd ta’ ċnaġen iddaħħlu fiċ-ċimiterju. Imbagħad sar l-ilqugħ li jidher fir-ritratt u sakemm kont qed inħejji din il-paġna, fil-bidu tal-ġimgħa li għadha kemm intemmet, kien għadu hemm. Nimmaġina li hemm xi diffikultajiet biex ix-xogħol ma tkomplix.

Ma nafx min hu responsabbli għal din is-sitwazzjoni u lanqas ma naf x’inhi r-raġuni li x-xogħol tħalla nofs leħja. Trid tkun raġuni kbira mhux ħażin biex għadda dan iż-żmien kollu u l-ħajt baqa’ ma sarx.

Ekonomija

Sport