Thursday, December 26, 2024

Napprezzaw lill-ħaddiem is-sena kollha

Aqra wkoll

Miktub Mid-Deputat Parlamentari Ewropew, Miriam Dalli

Din is-sena l-Ewwel ta’ Mejju iċċelebrajnih b’mod differenti. Ma nġbarnix folol kbar biex infakkru l-kisbiet li għammilna u nsellmu lil kull min jaħdem, iżda dan ma jfissirx li fil-kwiet ta’ darna ma rriflettejnhiex fuq l-importanza ta’ dan il-jum.

Huwa ċar iżda li l-impatt tal-pandemija mhux se jieqaf hawn u jisparixxi fil-mument li pajjiżna jiġi ddikjarat ‘corona virus free’. Ir-riperkussjonijiet fuq l-ekonomija se jinħassu daqskemm se jinħass l-impatt fuq il-postijiet tax-xogħol.

Wara li tgħaddi din il-pandemija żgur li se nżiedu aktar id-dipendenza fuq id-diġitizazzjoni. Jekk xejn, din il-pandemija għallmitna kemm it-teknoloġija użata b’mod tajjeb toffri alternattivi għan-negozji u alternattivi għax-xogħol. Mhux kulħadd jista’ jagħmel xogħlu permezz tat-teleworking – imma ħafna minnu jista’ jsir. Imma biex dan isir hemm bżonn li l-kumpaniji jaġġornaw l-infrastrutturi tagħhom biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jikkomunikaw b’mod sigur mid-dar. Bl-istess mod ħafna aktar kumpaniji, ħwienet u min jipprovdi servizz għandu jżid il-preżenza tiegħu online. Fl-istess ħin, dan it-tip ta’ investiment jagħmel tajjeb għal kumpanija li mbagħad tkun tista’ tiffranka l-flus minn bnadi oħra. 

F’kull pjan li se jinħadem biex l-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha u biex min spiċċa bla xogħol ma jdumx qiegħed, irridu nissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħaddiema u nkomplu bil-ġlieda kontra l-prekarjat. Li nipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiem jfisser ukoll li nkomplu naħdmu favur l-ugwaljanza, fejn irġiel u nisa jitħallsu l-istess paga għall-istess xogħol li jagħmlu. L-ugwaljanza tfisser li persuni b’disabilita ma jiġux iddiskriminati fuq il-post tax-xogħol, u li s-socjeta tifhem li kulħadd għandu x’jikkontribwixxi. 

Il-pjan ta’ rkupru irid iħares lejn ix-xogħolijiet ta’ għada, xogħolijiet li jrendu għax it-tkabbir ekonomiku se jkun wieħed sostenibbli. Li jkun sostenibbli ifisser li l-pjan ta’ tkabbir iħares l-ekonomija, l-ambjent u l-ġustizzja soċjali. 

L-akbar tislima li nistgħu nagħtu lill-ħaddiema f’dawn iż-żminijiet huwa li ma nħallux lil kulħadd għal rieħu. Fuq livell Ewropew qed naħdmu favur fondi u flessibilità neċessarja biex jgħinu lill-gvernijiet nazzjonali jimplimentaw programmi, skemi, miżuri u azzjoni diretta biex kemm jista’ jkun jagħmlu tajjeb għad-daqqa li diġa qed iħossu n-nies. 

Hemm konsumaturi li diġa nefqu l-flus fuq servizzi li ma gawdewx minnhom, bħal nies li nefqu eluf ta’ ewro bħala depożiti għall-vaganzi li lanqas biss marru. Hawnhekk irid jingħata s-serħan-il moħħ li dawn mhux se jibqgħu lampa stampa. Minħabba l-kompetittivita tal-linji tal-ajru, anke dik tal-linja nazzjonali Air Malta, jeħtieġ li jkun hemm approċċ komuni fuq livell Ewropew. Għalhekk li ktibt lill-Kummissjoni Ewropea biex tispjega kif se tassigura li l-konsumatur ikun protett. Irridu naħsbu wkoll fl-operaturi fil-qasam tat-turiżmu li ħafna minnhom huma negozji żgħar, u ħafna minnhom huma negozji tal-familja u li jinsabu maqbuda fin-nofs.

Għalkemm din is-sena kellna Jum il-Ħaddiem differenti mis-soltu minħabba ċ-ċirkonstanzi li ninsabu fihom, konvinta li lkoll flimkien – leġiżlaturi, l-industrija, min iħaddem u t-trade unions – jista’ jkollna katina soda ta’ ideat u ħidma li ma teskludi lil ħadd.

Ekonomija

Sport