Saturday, May 4, 2024

Naprezzaw u nilqgħu dan b’umiltà u impenn akbar

Aqra wkoll

“Mhux ta’ kuljum jiġri li NGO tissemma’ f’diskors tal-baġit. Il-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl tapprezza u tilqa’ dan b’umiltà u impenn akbar”. Hekk qal lil dan is-sit iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl, George Busuttil, wara li fil-baġit għas-sena d-dieħla fost il-ħidma u l-miżuri tal-Gvern hemm ukoll titjib fis-sistemi korrettivi.

Fil-baġit ippreżentat il-ġimgħa l-oħra mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, ingħad li tkompla r-rinovar tal-binijiet eżistenti tas-sistemi korrettivi kif ukoll miexi x-xogħol fil-binja l-ġdida li se sservi bħala l-ewwel ċentru rijabilittiv tax-xorta tiegħu f’pajjiżna. 

Il-Ministru Caruana spjega li, “fi sħubija ma’ msieħba li jaħdmu fis-setturi rijabilitattivi tal-priġunieri, prinċiparjament l-organizzazzjonijiet RISE u Mid-Dlam għad-Dawl, il-Gvern se jkompli jassisti fl-investiment biex jinfetħu żewġ half way houses oħra biex hekk, kif tkun skontata sentenza ta’ priġunerija, tkun faċilitata r-riintegrazzjoni lura fis-soċjetà”.

Programm residenzjali speċjalizzat

Fir-rigward George Busuttil qal li l-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl tapprezza l-għajnuna kollha li qiegħda tingħata biex tkun tista’ toffri programm residenzjali speċjalizzat li jdur mal-ħtiġijiet ta’ dawk li qegħdin jiskontaw sentenza ta’ priġunerija u l-familji tagħhom. 

Dan, hekk kif qal il-Ministru Caruana wkoll, bil-għan aħħari li jkun hemm riintegrazzjoni sħiħa u ta’ suċċess lura fis-soċjetà tagħna tal-istess priġunieri.

Sa l-aħħar tas-sena huwa ppjanat li ħames priġunieri rġiel se jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni f’half way house fil-Birgu. Dan il-programm se jkun qiegħed iħejjihom biex, ladarba joħorġu mill-ħabs, ikunu jistgħu jkomplu b’ħajithom mal-familji tagħhom ‘il bogħod minn attivitajiet kriminali. 

Mhux hekk biss, dawk li jagħmlu l-programm se jkun ippreparat biex jidħol b’suċċess lura fis-soċjetà bħala ċitttadini li jistgħu jagħtu kontribut siewi. 

Il-kollaborazzjoni eċċellenti li hemm bejn il-Gvern u l-għaqdiet ikkonċernati, inkluża Mid-Dlam Għad-Dawl, qiegħda twassal biex jiġu msaħħa aktar servizzi ġodda f’dan is-settur. Servizzi tajbin u ta’ valur għalina bħala soċjetà kollettiva.

Sport