Thursday, March 14, 2024

“Naqbel meta hemm theddida għall-ħajja tal-omm u mhux għas-saħħa tal-omm”

Il-psikjatra Mark Xuereb jisħaq li fejn hemm mard mentali l-ewwel għandha tingħata l-kura

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-proposta tal-Gvern ta’ emenda meħtieġa fil-liġi kriminali tal-abort hija l-aktar suġġett diskuss bħallissa. Il-Prim Ministru Robert Abela għamilha ċara li l-liġijiet preżenti li jagħmlu l-abort illegali se jibqgħu hemm imma hemm tħassib li b’din l-emenda se tinfetaħ it-triq għall-abort inkluż f’każijiet ta’  mard mentali. Proprju f’dan ir-rigward il-Psikjatra Mark Xuereb, filwaqt li jaqbel f’każijiet fejn hemm theddida għal ħajjet l-omm, sostna li din it-tip ta’ responsabbiltà m’għandhiex tintefa’ fuq il-psikjatri u li fejn hemm mard, dan jista’ l-ewwel jiġi trattat u mbagħad, meta l-moħħ ikun aktar ċar, jittieħdu ċerti deċiżjonijiet.

Dott. Xuereb tkellem ma’ talk.mt fejn spjega li huwa jaqbel li ssir din l-emenda kif proposta mill-akkademiċi fejn it-tqala tintemm meta hemm theddida għall-ħajja u mhux għas-saħħa tal-omm. Dan minħabba li, “is-saħħa dejjem tista’ taħdem fuqha. Jekk hemm mara tqila li daħlet f’dipressjoni, l-ewwel ħaġa li se nagħmel hija li nieħu l-istorja, imbagħad nistad aktar u nagħmel testijiet biex nagħtiha trattament”. 

Huwa spjega li ħafna drabi, fil-fatt, il-kawża mhiex it-tarbija imma affarijiet oħra fosthom l-umiljazzjoni u mard psikoloġiku li kellha qabel u reġa’ rvella fit-tqala. Dott. Xuereb qal li fil-każ tiegħu u l-psikjatri f’Malta, din id-deċiżjoni se taqa’ fuqhom bħalma ġara fl-Irlanda u għalih din mhiex aċċettabbli. 

B’pożizzjoni ċarissima kontra l-abort, huwa spjega li, “dan barra li hemm għażliet oħra fosthom l-adozzjoni. Jien ma rridx nieħu d-deċiżjoni li tinqatel tarbija għax din se taqa’ fuqi. Ikun hemm pereżempju bżonn ta’ nies indipendenti għal nies li mhumiex pazjenti tagħhom u sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jwasslu għal konflitt ta’ interess. Jien ma rridx li jkolli d-demm tat-trabi fuq idejja biex nixtri l-Porsche,” kompla Dott. Xuereb. 

“Fejn m’hemmx evidenza għandna noqogħdu attenti”

Dan il-psikjatra spjega li fil-psikoloġija mhux sitwazzjoni, li se nsejħulha “A”, tikkawża direttament is-sitwazzjoni “B” imma, ikun hemm fatturi oħra – “A1”, “A2” u “A3”. Dan il-psikjatra sostna li ma tistax taqbad u tgħid li “A” ikkawżat il-“B” għax m’hemmx evidenza. 

“Ikun hemm ħafna fatturi li jistgħu jikkawżaw il-“B”. Ma tistax tgħid li tneħħi t-tarbija u din il-persuna tiġi pinna. M’hemmx evidenza u fejn m’hemmx evidenza, aħna noqogħdu attenti. F’Malta f’sena, ikollna biss erba’ każijiet fis-sena li tqala tipperikola ħajja tal-omm. Hemmhekk it-tobba jagħmlu dik id-deċiżjoni,” kompla Dott. Xuereb. 

Huwa sostna li l-ġinekoloġiċi jagħmlu xogħol eċċellenti u fejn ikun hemm bżonn anke jitkellmu mal-psikjatri imma issa qiegħed jibża’ li se jkunu l-psikjatri l-ġudikant. Dan għalih dan mhuwiex tajjeb għax imbagħad il-Qorti tibda tgħid li hemm il-psikjatra meta huwa ma jħoss li għandu jieħu tali deċiżjonijiet. Dott. Xuereb fil-fatt avża li se jisħaq mal-Assoċjazzjoni tal-Psikjatri f’Malta biex titkellem dwar din l-emenda u biex toħroġ bil-pożizzjoni tagħha fir-rigward malajr kemm jista’ jkun.

“Ma nistgħux nagħmlu l-pass fuq ċertifikat ta’ psikjatra”

Fi tmiem l-intervent tiegħu huwa ried jiċċara li l-kwistjoni hija t-theddida għal ħajjet l-omm u mhux għas-saħħa għax is-saħħa dejjem wieħed jista’ jikkuraha. “Ma nistgħux nagħmlu l-pass fuq ċertifikat ta’ psikjatra għax persuna li tkun qiegħda tbati bid-dipressjoni tista’ tagħmel abort. Ma jagħmilx sens. Trid tfejjaq id-dipressjoni biex tkun fi stat mentali aħjar ħalli appuntu taħseb aħjar. Dan għax wara kollox aħna l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa l-ewwel regola tagħna hija li ma nagħmlux ħsara u li naħdmu fl-interess tal-ħajja kemm tal-mara, kif ukoll tat-tarbija għax it-tnejn huma importanti. Il-mard mentali trid titrattah u mhux awtomatikament isir abort għax ma jagħmilx sens għax se nkunu qisna sirna allat,” temm iwissi Dott. Mark Xuereb. 

Filwaqt li Dott. Mark Xuereb se jkompli jsegwi il-bdil fir-rigward, huwa rringrazzja lill-Membri Parlamentari u l-Ministri kollha li ħadmu ħafna biex ifasslu l-proposti għax jidher ċar li sar ħafna xogħol fl-emendi proposti. Min-naħa tiegħu huwa persważ li din mhux se tkun ballun politiku imma prova li bħala nazjon aħna kapaċi ningħaqdu flimkien għall-ġid tal-pajjiż kollu.

L-Artikoli eżistenti dwar l-abort se jibqgħu hemm!

Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru, Robert Abla għamilha ċara li l-emenda li bdew fil-fatt jiddiskutu lbieraħ fil-Parlament hija f’każijiet ta’ “riskju jew periklu gravi għax min irid jopponi kollox, jibda jagħti l-impressjoni li din hi xi eċċezzjoni li se tintuża kapriċċjożament. Fissirna bl-aktar mod ċar li l-Artikoli li diġa’ jeżistu fil-kodiċi kriminali dwar l-abort se jibqgħu hemm.

Għalhekk emenda waħda, li se tkun qiegħda tiċċara li meta l-professjonisti mediċi jaqblu li t-tqala għandha tkun itterminata minħabba kumplikazzjoni medika li tkun tista’ tqiegħed ħajjet l-omm f’riskju jew saħħa ta’ periklu gravi, din it-terminazzjoni ma titqiesx bħala reat. Ċara daqshekk.”

Ekonomija

Sport