Monday, December 23, 2024

“Naqbel mija fil-mija li jkun hemm wieħed f’kull ħanut”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Sid ta’ ħanut tax-xorb f’Bugibba dwar breathalizer għall-użu tal-klijenti

Apparat li ġibed l-attenzjoni ta’ dan il-ġurnal huwa breathalizer f’ħanut tax-xorb f’Bugibba, lokalità popolari u ffrekwentata ferm bħala żona ta’ divertiment. Kif kulħadd jaf, f’Malta għandna regoli ċari ta’ kemm wieħed jista’ jixrob qabel ma jsuq u dan bil-għan li jkunu evitati perikli fit-toroq taħt l-effett ta’ xorb alkoħoliku. Il-breathalizer huwa makkinarju li meta wieħed jonfoħ fih jikkalkula l-livell ta’ alkoħol fid-demm. Għaldaqstant, li jkun hemm apparat ta’ dan it-tip proprju f’ħanut tax-xorb, hija inizjattiva tajba ħafna.

Dan is-sit tkellem ma’ sid il-ħanut fejn jinsab dan il-breathalizer li infurmana li ma kienx huwa li ħareġ bl-idea, iżda Taljan li offrilu dan is-“servizz”. Huwa qal li, “sa fejn naf jien, ħadd m’għandu bħalu u naqbel mija fil-mija li jkun hemm wieħed f’kull ħanut tax-xorb”.

Dan il-makkinarju ilu f’dan il-ħanut tax-xorb għal dawn l-aħħar erba’ snin. Mistoqsi jekk fl-esperjenza tiegħu, apparat ta’ dan it-tip jgħinx biex dak li jkun iżomm lura milli jixrob jekk ikun se jsuq, is-sid qal li, “sfortunatament in-nies ma tantx jużawha. Qiegħda hemm u ġieli jkun hemm żagħżagħ jitfgħulha ewro. Imma dan jagħmluh aktar biex jiċċajtaw u jaraw min bejniethom għandu l-ogħla livell ta’ alkoħol. Il-bqija ħadd ma ġie b’serjetà jiċċekkja fuqha,” spjega l-imprenditur. 

Skont dan is-sid, li ilu fis-settur għal snin sħaħ, f’Malta fortunatament ma jkunx hawn ħafna inċidenti kkawżati minn xorb eċċessiv. Fl-opinjoni tiegħu ikun hemm aktar każijiet ta’ traskuraġni jew ksuħat u żied  jgħid li, “naħseb li meta persuna tieħu żewġ grokkijiet żejda u tħossha sturduta aktar toqgħod attenta milli kienet qabel xorbot għax taf li tista’ tkorri jew tweġġa’ lil xi ħadd. Allura n-nies joqogħdu iktar attenti. Importanti ħafna li ma tweġġa’ lil ħadd u meta f’dubju jew tiċċekkja fuq breathilizer bħal din, jew inkella ssuq xejn speċjalment issa li ġejjin il-festi”.

Ekonomija

Sport