Friday, December 27, 2024

Naqsu l-inċidenti mhux fatali fuq il-postijiet tax-xogħol

Aqra wkoll

In-numru ta’ inċidenti mhux fatali fuq il-post tax-xogħol bejn Lulju u Diċembru tal-2022 kien ta’ 24 aċċident inqas mill-istess perijodu tas-sena ta’ qabel. Madankollu, fl-aħħar sitt xhur tas-sena li għaddiet seħħew seba’ inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol.

Skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, kien hemm 1,229 persuna li kienu involuti f’inċident mhux fatali fuq ix-xogħol fit-tieni nofs tal-2022. Is-settur tal-kostruzzjoni, b’211 aċċident, għadu l-iktar settur li fiħ ikorru n-nies, segwit mis-settur tal-manifattura fejn seħħew 201 aċċidenti. L-istess ċifri tal-NSO juru wkoll li fis-settur tat-trasport u l-ħażna seħħew 173 aċċidenti fl-aħħar sitt xhur tas-sena l-oħra.

L-akbar sehem ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol matul il-perjodu ta’ referenza kien jinvolvi persuni li jaħdmu f’impjiegi elementari segwiti minn ħaddiema tas-snajja’ u snajja’ relatati.

Kważi nofs, 44.3%, tal-korrimenti fuq ix-xogħol kienu jinvolvu s-swaba’ u l-idejn. Feriti u korrimenti superfiċjali, u dislokazzjonijiet, sprains u strains kienu l-aktar tipi komuni ta ‘korrimenti, li jammontaw għal 686 u 354 każ rispettivament.

Bejn Lulju u Diċembru tas-sena l-oħra, 29.2% tal-inċidenti fuq ix-xogħol seħħew f’intrapriżi li jħaddmu 500 impjegat jew aktar.

L-inċidenti mhux fatali rrappurtati kienu 852 inċident għal kull 100,000 persuna impjegata. L-ogħla rata ta’ inċidenza standardizzata ta’ inċidenti mhux fatali fuq ix-xogħol ġiet irreġistrata fil-manifattura, segwita mill-kostruzzjoni u t-trasport u l-ħażna.

Bejn Lulju u Diċembru 2022, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) irrapportat seba’ inċidenti fatali, erba iktar mill-istess perijodu tas-sena 2021.

Ekonomija

Sport