Sunday, November 24, 2024

NASA: Pospost għat-tieni darba t-tlugħ tar-rokit SLS

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ġie pospost għat-tieni darba t-tlugħ ta’ rokit ġdid li kien destinat lejn il-Qamar mill-Aġenzija Spazjali Amerikana, NASA. Il-kontrolluri ppruvaw kemm felħu matul il-jum tas-Sibt biex itellgħu dan ir-rokit imsejjaħ Space Launch System (SLS) iżda ġew imfixkla minn leak tal-fjuwil. 

L-inġiniera issa se jkollhom jerġgħu jispezzjonaw dan ir-rokit, u kwalunkwe tiswijiet possibbli se jkunu qegħdin isiru fil-workshop aktar milli fil-post fejn qiegħed l-istess rokit. Qed ikun irrappurtat li l-proċess mistenni jieħu diversi ġimgħat. Dan ifisser li t-tielet attentat mhux se jsir qabel tal-inqas nofs Ottubru. 

L-SLS huwa l-aktar rokit qawwi li qatt ġie żviluppat mill-Aġenzija Spazjali Amerikana, u huwa ddisinjat biex jibagħtu l-astronawti u t-tagħmir tagħhom fuq wiċċ il-qamar wara nuqqas ta’ xejn inqas minn 50 sena. 

Mike Sarafin, il-manager f’din il-missjoni tan-NASA, qal lill-ġurnalisti li: “dan huwa negozju diffiċli ħafna. Din huwa test inizjali fit-titjira ta’ din il-vettura spazjali. Kif diġà ntqal: se ntiru meta nkunu lesti. Bħala parti minn din it-titjira, qed nitgħallmu aktar dwar inħaddmu din l-istess vettura spazjali.” 

L-attentat tas-Sibt għat-tlugħ ta’ dan ir-rokit kien skedat li jsir għall-ħabta tas-2.17 p.m. (ħin lokali).

Sport