Sunday, November 24, 2024

‘Natalis Notabilis’ lura fit-toroq Rabtin f’Diċembru li ġej

Aqra wkoll

Il-Villaġġ tal-Milied, ‘Natalis Notabilis’ se jerġa’ jirritorna fit-toroq tar-Rabat, f’Diċembru li ġej. Dan wara li din l-attività ta’ żmien il-Milied kellha titwaqqaf fis-snin riċenti għal diversi raġunijiet, fosthom minħabba l-COVID 19. Minkejja li din hija biss il-ħames edizzjoni ta’ ‘Natalis Notabilis’, kiseb popolarità kbira fejn jattendu għalih eluf ta’ nies.

‘Natalis Notabilis’ huwa organizzat mill-għaqda non-governattiva li ġġib l-istess isem, u għal din l-edizzjoni l-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur qed jiffinanzja parti mill-ispiża meħtieġa

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, qalet li “bħala ministeru qed inkunu ta’ spalla għal din l-attività, li apparti li tinkludi l-aspett tal-volontarjat, l-għan wara din l-attività huwa nobbli għaliex se sservi biex jinġabru flus għall-karità u se sservi wkoll biex ikun konservat il-wirt kulturali tagħna fejn jidħlu festi tal-Milied. Konvinta li r-rispons għal din l-attività se jkun ta’ inkoraġġiment kbir, kif wara kollox kien kull meta kienet organizzata din l-attività, li dawk warajha ħaqqhom il-ħajr ta’ kulħadd.”

Charlo Vassallo, f’isem l-għaqda non-governattiva ‘Natalis Notabilis’ spjega li din is-sena kien hemm rekord ta’ applikazzjonijiet biex persuni jieħdu sehem fis-suq tal-Milied. Huwa tenna b’sodisfazzjon li permezz tal-ħidma tal-għaqda u l-għajnuna li rċievew se terġa’ tittella’ din l-attività. “L-għajnuna li rċievejna se tkun reċiprokata b’attività mill-isbaħ li nemmen li se tkun strumentali wkoll biex tkompli tkattar l-spirtu festiv filwaqt li nkunu qegħdin nippreservaw il-wirt kulturali tagħna,” temm jgħid is-Sur Vassallo.

Sandro Craus, Sindku tar-Rabat, tenna “Il-lokalità Rabtija, bit-toroq tradizzjonali Maltin, minnhom infushom wirt kulturali, se sservi ta’ palk għal attività li sa mill-bidu tagħha kienet serviet ta’ attrazzjoni ewlenija tul il-ġranet festivi tal-Milied, u ċertament li anke din is-sena ‘Natalis Notabulis’ se tilħaq l-aspettattivà li nisslet sa mill-bidu nett tagħha.”

‘Natalis Notabilis’ se jittella’ bejn is-7 u t-13 ta’ Diċembru li ġej. It-toroq li fihom se tittella’ l-attività se jkunu imdawlin b’sistema ġdida ta’ dawl. Waqt l-attività se jinbiegħu ukoll affarijiet ta’ artiġġjanat, ikel u ħelu tradizzjonali tal-Milied.

Sport