Prosit lill-iskola ta’ Mater Boni Consilii, San Ġużepp f’Raħal Ġdid għal ktieb li ħarġu fl-aħħar tas-sena 2024 ‘Lil din l-art ħelwa’. Huwa miktub mill-istudenti tas-seba’ u tat-tmien sena kkordinati mill-għalliema tal-istorja u tal-Malti.
Kif jgħid il-kap tal-iskola Dr Kenneth Vella l-istudenti għamlu riċerka serja dwar ġrajjiet importanti lokali fl-aħħar 60 sena biex isibu “l-affarijiet li tawna identità u n-nies li sawruha (lil Malta) biex ksibna dak kollu li għandna llum.”
Il-ktieb fih tagħrif dwar:
– 60 sena mill-Indipendenza, l-Innu Malti u t-13 il-Prim Ministru li kellna s’issa mill-ewwel wieħed fl-1921
– 50 sena mir-Repubblika u t-12 -il President li kellna s’issa mill-ewwel wieħed fl-1974
– 45 sena minn meta ħlisna mill-bażijiet militari
– 20 sena mid-dħul fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-ħames Kummissarji li kellna qabel il-ħatra tal-kummissarju l-ġdid, il-Parlament Ewropew u s-17 -il membru parlamentari li kellna s’issa fosthom il-President tal-Parlament Ewropew u l-4 Maltin magħżula biex iservu fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Kotba bħal dawn dwar l-istorja tagħna kollha hemm bżonnhom fl-iskejjel kollha tagħna biex inisslu kuxjenza nazzjonali tajba flok partiġġjaniżmu jew nuqqas ta’ nteress fost il-ġenerazzjonijiet ġodda tagħna biex ikunu ċittadini maturi ta’ pajjiżna u japprezzaw minn xhiex għaddejna u x’kellna nagħmlu biex ikollna l-kisbiet li għandna f’pajjiżna.
Tajjeb li jitilgħu jaħsbu, iħossu u jġibu ruħhom li qabel ma huma membri ta’ tribù politiku rivali jew parti minn dawk li ma jridux jafu b’politika, huma ċittadini komuni tan-nazzjon Malti wieħed u sħiħ. Il-ħidma fuq il-ktieb ‘lil din l-art ħelwa’ kienet esperjenza sabiħa għat-tfal li kellhom ifittxu fuq persunaġġi li aktarx li d-dar ikunu jew ma semgħu xejn dwarhom jew li semgħu kien kollox favur jew kollox kontra.
Importanti għat-tfal li jiġu edukati li jegħelbu l-firda tribali “aħna” u “huma”, “ħomor u blù” u ‘tan-naħa tagħna kollox abjad u tan-naħa l-oħra kollox iswed”, li l-persuni fil-ħajja pubblika huma nies tad-demm u l-laħam u mhux anġli jew xjaten u li l-kompetizzjoni elettorali partiġġjana m’għandhiex bilfors tkun ġlieda tal-gladjaturi.
Ir-rabja mhix biżżejjed
Tajjeb li ħafna Maltin ingħaqdu rrabbjati kontra Ridley Scott li qal lil dawk li jħobbu l-films tiegħu li m’għandhomx jiġu Malta bħala turisti. Wara benġilha li taparsi kien qed jiċċajta. Scott magħruf kemm jieħu gost joħloq kontroversji.
Jien fost ħafna li żgur ma ħadux gost b’dak il-kliem ta’ Ridley Scott imma ma narmix dak kollu li jgħid. Kont ħadt gost meta kien qal li jiġi jiġbed films Malta minħabba s-sbuħija tal-wirt storiku u tal-pajsaġġ tagħna. Kien appellalna biex nipproteġu din is-sbuħija. Ċert li ġie fostna jiġbed il-films għax iffranka fit-taxxa ħafna miljuni ta’ euro fi skema apposta li għandna.
Imma ċert ukoll li ġie għax ried juża għal films tiegħu s-sbuħija ta’ pajjiżna, sbuħija li qalilna biex nipproteġu. Aħna nipproteġu s-sbuħija ta’ pajjiżna? Għandna nipproteġuha. Mhux għal wiċċ Ridley Scott.
Għandna nipproteġuha l-ewwelnett għalina nfusna li ngħixu hawn ħajjitna u għal dawk li ġejjin warajna. Imbagħad għandna nipproteġuha għall-miljuni li rriduhom iżuruna bħala turisti għal ftit jiem.
It-turiżmu essenzjali għalina. Twelidt u trabbejt il-Mellieħa fejn kull familja kellha emigranti. Sakemm sirt żagħżugħ kienet waqfet l-emigrazzjoni għax beda t-turiżmu u kull familja kellha lil xi ħadd jaħdem fit-turiżmu.
Għedt dan l-aħħar lil xi ħadd li jħobb lill-pajjiżna u lit-turiżmu u mdaħħal sew fih: “L-importanti li ma noqtlux b’nuqqas ta’ għaqal it-tiġieġa li tbidilna l-bajd tad-deheb.” Weġibni: “Wisq nibza’ li maqtula u mikula imma nipprova nifhem x’jista’ jsir.”
F’bidu ta’ sena li fiha rridu nfasslu viżjoni u pjan nazzjonali Malta 2050, fejn irridu lill-pajjiżna fil-25 sena li ġejjin, tajjeb li qabel xejn li nwaqqfu l-ħsara li qed nagħmlu lil pajjiżna meta inkerhuh b’xi mod jew ieħor. Tajjeb li nsewwu fejn nistgħu minn din il-ħsara. Hemm fejn huwa tard wisq. Imma għallinqas ejja nsalvaw dak li nistghu.
L-aħjar li nħobbu lil pajjiżna hu li nibżgħu għalih u għal sbuħitu u ġieħu. Mhux biżżejjed li nirrabjaw għal min jgħid kliem dwaru li bir-raġun ma niħdux gost bih imma jkun hemm fejn qalu għax aħna nkunu nqasna lill-pajjiżna b’xi mod jew ieħor.