Minn barra, in-nazzjonaliżmu jidher li qed jerġa’ jirkupra wara snin ta’ globalizazzjoni li rebħet kważi kull tarf tat-tmexxija politika u ekonomika. Dejjem fhimt li n-nazzjonaliżmu bilfors ikun parti mill-mod kif il-bnedmin jagħrfu r-realtà tagħhom. Qatt ma fhimt li n-nazzjonaliżmu bilfors ifisser għażla li se tmur kontra l-interessi ta’ nazzjonijiet oħra. U m’għandux ikun hekk. Jekk jinftiehem b’dal-mod, in-nazzjonaliżmu bilfors jispiċċa perikoluż għax ikun lest iħeġġeġ il-gwerer.
Hu minnu li b’xorti ħażina, elementi min-nazzjonaliżmu tal-lum jidhru li qed jidħlu f’din il-fasla. L-isfida trid tkun kif dan ma jitħalliex isir f’rispett lejn is-sentimenti nazzjonali tal-popli kollha. F’ħidma hekk, trid tinżamm attenzjoni sħiħa u jrid jiġi eżerċitat kontroll fuq żewġ fatturi problematiċi – l-impatt li jista’ jkollhom forzi estremisti li jaraw in-nazzjonaliżmu bħala meżż kif ċerti klikkek jakkapparraw il-poter statali; u l-logħba li jistgħu jilagħbu ċerti impriżi u interessi kapitalisti biex permezz tan-nazzjonaliżmu, jakkapparraw qagħda privileġġjata fl-ekonomija nazzjonali.
GAZA
Ftit jista’ jingħad dwar xinhu għaddej f’Gaza li mhux diġà ngħad, kemm minn dawk li jikkundannaw, kemm minn dawk li japprovaw.
Biss atroċi u kundannabbli kemm kien l-attakk tal-Hamas ta’ Ottubru 2023 fuq Iżrael, xejn ma jiġġustifika kif dal-pajjiż baqa’ jmexxi l-“gwerra” tiegħu kontra l-popolazzjoni tal-Gaza. Il-mezzi li użaw u għadhom qed jużaw l-Iżraeljani biex imexxu dil-gwerra huma ta’ għajb għal kwalunkwe stat li jippretendi li jitqies parti minn ċivilità mibnija madwar valuri li jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem. Dil-ħaġa għandha tkompli tintqal għalkemm fost il-potenzi tal-Punent qed tiġi injorata kemm fil-kelma, kemm fil-prattika, mhux l-anqas billi jkomplu jibagħtu munizzjon u armi lill-Iżrael.
Mhux ta’ b’xejn li ħafna fid-dinja Għarbija u lil hinn minnha, saru jqisu lill-Ewropa u l-Amerika bħala apostli tal-ipokresija.
IMĦATRI
Għall-ekonomija tagħna l-imħatri saru ħidma li tal-akbar preġju. L-aqwa salarji, l-aqwa karrieri jistgħu jintlaħqu fl-industrija li tmexxi imħatri kemm jista’ jkun ma’ kullimkien u ma’ kulħadd permezz tal-internet. Gvern Nazzjonalista kien tellaq dan is-settur. Mhux talli ħadd ma qajjem xi dubji dwaru, talli li tagħmel hekk beda jitqies bħala mezz kif tikkawża deni lill-pajjiż.
Nibqa’ niskanta kif dawk fostna li jikkundannaw il-proġett li bih il-gvern “ibigħ” il-passaport Malti, qatt ma qalu xejn dwar kif tlaqna matul is-snin għall-istrateġija li nattiraw impriżi fil-logħob tal-ażżard. Donnhom ftit jimportahom li das-settur ukoll iġorr miegħu – fl-importanza li ħallejnih u ridnih jieħu – ir-riskju li r-reputazzjoni tal-pajjiż tittebba sew.
Veru li mill-ħidma qed imorru finanzjarjament tajjeb interessi vestiti, oħrajn stabbiliti u terġa’ oħrajn varji… Imma dak ma jimportax!