Saturday, December 21, 2024

Nefaq €8,000 fix-xahar f’kokaina… il-mara sfat priġuniera u msawta f’darha stess

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Kellha tieqaf mix-xogħol. Twaqqaf il-passatempi kollha tagħha u sfat priguniera f’darha stess . Iżolata mill-ħbieb u kuntatti tagħha.” Ir-raġel tagħha, missier ta’ żewġt itfal kien jonfoq €8,000 fix-xahar fuq droga Kokaina. Kien jitlob lil martu għall-flus u saħansitra ħadilha ġojelli u oġġetti tad-deheb tagħha. Dejjem irrifjuta li jaċċetta id-deċiżjoni ta’ martu li riedet tinfired minnu u spiċċa jheddidha u jsegwiha kontinwament.  Għamlet snin sħaħ ta’ terturi u vjolenza, imma minkejja dan ippruvat tgħinu u tagħtu ċans fuq ċans biex forsi joħroġ mill-vizzju tad-droga. Spiċċat anke b’żewġ attakki ta’ puplesija kawża tal-ansjetà u t-tensjoni  li għaddiet minnhom. Il-Qorti, ordnat li l-missier ikun żgumbrat mid-dar b’mod immedjat.

Din hi l-istorja xokkanti li għaddiet minnha omm u żewġ uliedha għal snin sħaħ, storja li fi kliem il-Qorti, il-vizzju tad-droga tal-missier wassal għat-tifrik taż-żwieġ.

L-omm qalet li hi “ltaqgħet mar-raġel meta kellha 18–il sena u għamlu 6 snin għarajjes qabel iddeċidew li jiżżewġu. Mill-bidu tar-relazzjoni ir-raġel kien jgħir ħafna u kien ukoll possessiv u egoist. Filwaqt li hu seta’ ikompli bil-passatempi tiegħu, hi kellha twaqqaf kollox. Lanqas setgħet issellem lill-kollegi maskili tagħha għax malajr kien jinqala’ l-ġlied. Hija kellha tibqa’ dejjem id-dar jew toħroġ miegħu biss jew inkella titlob l-permess tiegħu biex toħroġ għax inkella kien jakkużaha li kienet marret ma’ xi ħadd. Hi kienet żgħira dak iż-żmien u kienet taħseb li dan kollu tfisser imħabba.”

Fl-affidavit hi tkompli tgħid li “ftit qabel iż-żwieġ kellha tieqaf mix-xogħol, għax ir-raġel kien qalilha li hi għandha tibqa’ d-dar u kien ser iġib il-flus hu għall-familja, b’dana illi riedha tiddepedendi kompletament fuqu. Dak iż-żmien kien itiha Lm 30 kull nhar ta’ Sibt. Meta żżewġu kienet diġa tqila bl-ewwel tarbija tagħhom. Fl-bidu taż-żwieġ marru jgħixu għand ommu iżda ma tantx kienu damu. Tirrakonta li darba minnhom marret il-monti ma’ ommu u xtrat ‘quilt’. Dak iż-zmien hu kien għaddielha l-ewwel paga peress li kienet waqfet taħdem meta kienet tqila iżda meta waslet id-dar kien qala plejtu sħiħ għax kienet nefqet il-flus u li ma kienx se jagħtiha aktar flus sal-ġimgħa ta’ wara u li darb ohra kellha staqsiet lilu.”

Qalet li “kienet tħossha ħażin ħafna anke peress li l-missier ma kienx jieħu interess fit-tqala jew fl-appuntamenti mediċi u kienet tispiċċa tmur ma’ ommha. Ommha kienet offriet li jmorru jgħixu magħha, u kien f’dan l-istadju li r-raġel kien qabad joħroġ wara li jiġi mix-xogħol u kien jagħmel sal-11 ta’ bil-lejl jew anke sa nofs il-lejl barra.  Kellha tieqaf ukoll minn netball, u spiċċat bla ħbieb u toħroġ biss mal-membri tal-familja. Ir-raġel  riedha għalih biss u kellha dejjem tagħmel dak li jgħid hu, filwaqt li hu kien jagħmel li jrid u kien ikollu kartiera mimlija flus. Meta twieldet it-tarbija hu kien preżenti għat-twelid, imma bilkemm kien ikun preżenti l-isptar u minflok kienet tattendi ommu. Ir-responsabiltajiet kollha tat-tifla kienu waqgħu fuq l-omm u l-missier ma kien jghinha f’xejn. Peress li d-dar tagħhom ma kinitx għadha lesta, kienu damu tlett snin jgħixu għand ommha, u l-missier kien juża dan il-fatt biex iżid fil-ħruġ tiegħu bl-iskuża li kien jiddejjaq għand ommha. Kien idum barra sas-sagħtejn u t-tlieta ta’ filghodu anke fost il-ġimgħa. Darba minnhom kien inqala’ argument u kienet qaltlu biex jitlaq mid-dar għax ma kienx qiegħed f’lukanda u kienu marru jgħixu f’appartament ta’ oħtu.”

Tisħaq li “l-attitudni kontrollanti tal-missier kompliet tissokta, tant li meta darba marret ma’ kuġintha tagħha tixtri, spiċċa jiċċekjalha l-ħwejjeġ biex jara jekk kellhiex wiċċ ħaddieħor. Magħdud ma’ dan, l-abbuż verbali baqa’ konsistenti, u  ta’ spiss kien jgħajjat, jfarrak u jkisser l-affarijiet.”

Tenniet li “B’xi mod kien irnexxilha tikkonvinċih toħroġ taħdem part-time. F’dan iż-żmien, bdiet tissuspetta ħażin fih għax kienet tinnutah jittanta lil nisa oħra tant li anke il-familjari tagħha kienu ġibdulha l-attenzjoni fuq dan. Meta marru jgħixu fid-dar matrimonjali, hija kienet reġgħet inqabdet tqila. Hu  tantx kien imur l-isptar u f’dawk it-tlett ijiem parental leave, bilkemm kienet ratu.  Darba minnhom kien dahal id-dar fis-sakra. Dak iż-żmien kuġintha kienet imsiefra u hi bdiet tissuspetta ħażin u fil-fatt sabet messaġġ mibgħut minnu lil din il-kugina fejn kien qalilha “Ara oqgħodli bilgħaqal inti” fost hafna messaġġi ta’ flirting li kienu jimplikaw li ma ridhiex taqlibhielu. Kienet ċemplet lil ommha biex tigi ghaliha u marret lura ghand ommha. Kienet ukoll ikkonfrontat lil kuġintha iżda baqgħet tinnega. Wara li għamlet erbat ijiem għand ommha, kienet marret lura id-dar.”

Saħqt li “meta kien qorob il-praċett tat-tifla l-kbira, kienet l-attriċi li ħadet ħsieb kollox waħedha. Lejliet il-praċett, il-missier kien ħareġ jixrob x’mkien. Dakinhar x’ħin mar lura d-dar xejjirlha daqqa ta’ ponn f’wiċċha tant li kellha black eye. Kienet spiċċat b’għajn vjola u kellha tagħmel ħafna make up biex tipprova tgħatti l-ġrieħi tagħha.”

It-tifla ż-żgħira kienet l-isptar u ftit li xejn kien imur jaraha

Tgħid li “kien hemm episodju minnhom fejn kien hemm it-tifla ż-żgħira l-isptar, u għalkemm il-missier kien baqa’ magħha sakemm il-minuri kienet l-ITU, kif ħarġet mill-ITU il-missier ftit li xejn kien ikun l-isptar u kienet ommha li kienet tbiddilha biex tkun tista’ tmur tqatta’ ftit ħin mat-tifla l-kbira. Tul it-tlett xhur li għamlet l-isptar maż-żgħira, il-missier qatt ma ħa interess joqgħod maż-żgħira l-isptar jew jgħin mal-kbira, tant li darba minnhom anke spiċċaw kellhom argument fil-ward fejn anke kien ħebb għaliha billi qabadha u imbuttaha. Intant huwa baqa’ joħroġ ma’ sħabu u ma’ nisa oħra bl-ispeedboat waqt li bintu iż-żgħira kienet rikoverata l-isptar u l-kbira kienet ma’ ommhja.”

Tenfasizza li “matul dan iż-żmien, hi  bdiet tinnota li l-missier setgħa kien qiegħed jabbuża mid-droga iżda bil-qagħda medika tat-tifla ż-żgħira ma kellhiex moħħ. Għalkemm hija xtaqet titlaq lil żewġha kienet tibża’ minnu. Wara li t-tifla ż-żgħira ġiet rilaxxata mill-isptar, l-omm ddeċidiet tqum fuq saqajha u bdiet tistudja għad-Diploma.”

Sawwat lit-tifla żgħira biċ-ċinturin u pprova jifga lil ommha

Kompliet tgħid li “darba minnhom fost argument li kien inqala’ mal-mejda tal-ikel, l-omm xehdet li l-missier bir-rabja ried jgħolli l-mejda u spiċċa biex qabad żarbun tat-takkuna u aggrediha. Iktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdiet ssir evidenti li l-missier kien qiegħed jabbuża mid-droga, tant li kienu jċemplulu n-nies peress li ma kienx imur jaħdmilhom u dana minkejja li kien ħadilhom depożitu.. L-attitudni tiegħu bdiet tkun waħda aggressiva, la baqa’ jiekol l-ikel li kienet isajjar, kien qabad ipejjep il-pipa. eventwalment l-missier beda jattendi evening classes mal-Caritas u kien hemm xi drabi fejn hi kienet akkumpanjatu, izda waqaf jattendi f’qasir żmien. L-omm saħqet li hija telqet diversi drabi mid-dar biex tipprova ttih tbeżbiża imma dan kien kollu għalxejn għax il-missier baqa’ l-istess, sa ħadilha ċ-ċrieket u d-deheb li kellha. Kienet attendiet marriage counseling mal-Moviment ta’ Kana u anke kienet tkellmet ma’ tal-Appoġġ. Hu kien anke mar magħha għal xi sessjonijiet imma imbagħad kien waqaf jattendi. 

L-atteggjament tiegħu baqa’ jiggrava aktar maż-żmien, tant li dan kollu beda jħalli effett fuq saħħitha tant li sofriet minn żewg ‘attakki ta’ puplesija’. Kienet għamlet għaxart ijiem l-isptar għax ma setgħetx timxi. Wara tmien xhur reġa’ kellha episodju simili tant li ma setgħetx titkellem sew u filfatt kien irriżulta li reġa kellha stroke oħra. Minn dakinhar l’hawn hija baqgħet tieħu mediċina b’mod regolari.”

Tgħid li “s-sitwazzjoni kompliet teskala u hu spiċċa biex sawwat lil bintu ż-żgħira biċ-ċinturin. Meta ppruvat twaqqfu, hu beda jipprova jifgaha. Iż-żgħira kienet ċemplet lin-nanna u hi ċemplet lill-Pulizija li marru fuq il-post. Dakinhar il-Pulizija bdew isaqsuha ċertu domandi fil-preżenza tal-missier u peress li kienet imbeżża minnu ma qaltilhom xejn.  Hi kienet reġgħet pruvat tagħtih ċans ieħor, wara xaharejn reġa’ waqa’ għar-rutina tas-soltu, ħruġ, drogi u vjolenza, tant li t-tifla l-kbira ta’ 17– il sena telqet mid-dar u marret tgħix man-nanna. Hu kien daħal Mount Carmel u anke daħal jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni iżda ftit wara l-griżma tat-tifla ż-żgħira, il-missier kien ingħata permess li jattendi, ħareġ mill-programm qabel iż-żmien.” 

Kien isegwiha u kienet issibu warajha kull fejn tkun

Tenniet li “l-ossessjoni tiegħu baqgħet waħda kostanti, tant li kien isegwiha bil-karozza u kienet issibu kull fejn kienet tkun. Kien il-ħin kollu jitlobha biex jirrangaw, telefonati kontinwi tant li kellha taghmel rapport mal-pulizija u xehdet dwar dan quddiem il-Qorti tal-Magistrati ukoll. Ir-relazzjoni tiegħu mat-tfal, baqgħet prattikament inezistenti. Qalet li l-missier ġieli iċempel lill-minuri u jwegħda li se joħroġha iżda dan ma jseħħ qatt b’konsegwenza li dan qiegħed jaffetwaha psikoloġikament għax hija tkun qed tistennih”.

Il-Qorti ordnat li jħallas manteniment ta’ €500 fix-xahar u li b’mod immedjat ikun żgumbrat.

Ekonomija

Sport