Friday, November 15, 2024

Nefqa ta’ €70 miljun aktar fuq il-pensjonijiet

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Man-nefqa li kien hemm is-sena li għaddiet fuq miżuri soċjali li jolqtu direttament lill-familji, pensjonanti u dawk vulnerabbli, il-Budget għas-sena d-dieħla se jżid in-nefqa fuq il-qasam soċjali bil-għan li l-Maltin itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. In-nefqa fuq il-miżuri mmirati lejn il-pensjonanti u l-anzjani biss se tiżdied b’€70 miljun oħra. 

Dan intqal mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon meta lbieraħ indirizza taħdita edukattiva organizzata mill-Għaqda Pensjonanti fi ħdan il-General Workers’ Union sabiex l-anzjani u l-pensjonanti jkunu infurmati aħjar dwar dak li ngħatalhom fil-budget.

Huwa semma wkoll bħala waħda mill-aktar miżuri importanti ż-żieda ta’ €12.50 fil-ġimgħa lill-pensjonanti kollha li tinkludi l-COLA. Kuntrarjament għal kif kien isir fi żmien gvernijiet nazzjonalisti, dan il-Gvern għal sena wara l-oħra żied il-pensjonijiet għal kulħadd.

Il-Ministru Falzon semma li l-budget jaħseb ukoll għall-pensjonanti tas-servizz, filwaqt li se tkompli tkun aġġustata l-pensjoni tar-romol u se jkomplu jiġu indirizzati wkol l-anomaliji u l-inġustizzja tal-imgħoddi fosthom l-eks ħaddiema tal-Korpi, tal-Gas Board u tat-Telemalta.

Finalment irrefera għall-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA li l-għan tiegħu huwa li jkompli jgħin lil dawk l-aktar li għandhom bżonn l-għajnuna fosthom dawk bi dħul baxx. Qal li n-nefqa għall-qasam soċjali se tlaħħaq għal kważi €2 biljuni.

Il-Ministru Falzon qal ukoll li l-benefiċċji tas-sussidju fuq l-enerġija u l-fjuwils għamluha faċli għal dawk li kien fil-faxxa t’isfel. Spjega li bejn l-2012 u l-2020 kien hemm 68,000 persuna f’pajjiżna li ma kinux jaffordjaw li jsaħħnu darhom fit-xitwa u li s-sitwazzjoni għalihom illum inbidlet.

Preżenti kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u uffiċjali tal-għaqda pensjonanti. 

Ekonomija

Sport