Friday, December 27, 2024

NEGĦLBU S-SILENZJU

Dr Lydia Abela

Aqra wkoll

Il-poplu Malti u Għawdxi hu poplu ħawtiel, kuraġġuż u ċertament ma jafx joqgħod bi kwietu quddiem sfida. Flok jitfa’ l-affarijiet taħt it-tapit, lest jaffaċċja s-sitwazzjoni u jqum fuq saqajh.

Huwa dan il-ħsieb li jwassalni nagħraf l-importanza li nifhmu r-realtajiet ta’ dawk li qed ibatu fis-silenzju. Ta’ dawk l-ulied li jaraw lil ommhom tissawwat. Ta’ dak il-missier li ma jiflaħx iżjed kliem iebes li jniffidlu qalbu. Il-messaġġ li nidejna nhar il-Ġimgħa f’dawn is-sittax-il jum t’attiviżmu dwar kuxjenza għall-vjolenza domestika hu wieħed ċar. Irridu negħlbu s-silenzju. Dak is-silenzju li jostor din ir-realtà f’pajjiżna u lil hinn għaliex ċertament il-vjolenza domestika hi pjaga madwar id-dinja kollha.

Ma nistgħux inkunu passivi u nħallu t-tbatija u s-sofferenzi jirkbu fuq l-umanità u d-dinjità tal-bniedem.

Meta bdejna dawn il-jiem favur aktar għarfien dwar il-vjolenza domestika, għamilna dan b’messaġġ qawwi għaliex nemmnu li ħadd ma għandu jitħalla waħdu fil-periferija u iżolat. Nifhmu li dik il-vittma ta’ vjolenza domestika mhux sempliċiment faċli titkellem iżda rridu nħeġġuha u ninkoraġixxuha tersaq ’il quddiem u tagħraf li hemm għajnuna għaliha. Il-vittmi tal-vjolenza domestika mhux min jitħassarhom iridu. Imma min ikun hemm għalihom, jismagħhom u fuq kollox jipproteġihom.

Dak hu l-akbar wens li lkoll nistqarru li dwaru jrid ikollna attitudni ta’ nagħmlu kemm nagħmlu qatt mhu biżżejjed. Żgur iżda li l-ħidma fejjieda li qed isir f’dan is-settur hi ta’ min jinnutaha.

Il-fatt li r-rapport Valenzia wara l-femiċidju ta’ Bernice Cassar, omm li bħal nisa oħra ħallset prezz b’ħajjitha, qed jiġi implimentat fl-intier tiegħu juri rieda qawwija xprunata minn amministrazzjoni li tibqa’ taħseb f’kulħadd. Is-70% tar-rakkomandazzjonijiet implimentati u l-ħidma dwar aktar rakkomandazzjonijiet li qed issir ħidma dwarhom huma passi notevoli u fid-direzzjoni t-tajba. Liġi ġdida bħal dik li persuna tista’ takkwista għarfien dwar jekk hemmx storja ta’ vjolenza domestika mis-sieħeb jew mis-sieħba hija għodda importanti li tkompli tipprevjeni l-vjolenza domestika.

Ma ninsewx li l-vjolenza domestika hija realtà li tieħu s-sura f’bosta modi jekk hux abbuż verbali jew anki fiżiku. L-istatistika turina dan fir-rapporti li jidħlu dwar każijiet ta’ vjolenza domestika allura l-passi għaqlin li ttieħdu favur leġiżlazzjoni u riformi li jindirizzaw ir-realtajiet tal-lum u jaħsbu għal għada huma ta’ min jirrikonoxxihom.

Dan flimkien mal-ħidma li għaddejja u li tħabbret fil-Budget biex isir investiment f’apparat magħruf bħala panic alarms li jagħti alert lill-Pulizija meta persuna tkun f’riskju ta’ vjolenza domestika. Apparti hekk rajna kif il-leġislazzjoni dwar l-electronic tagging tinsab fi stadju avvanzat biex il-vittmi jibqgħu jkunu iżjed protetti mill-aggressuri tagħhom.

Dan kollu fi sfond ta’ ħidma favur hubs li se jieħdu l-forma ta’ ċentri attrezzati li joffru ambjent denju għal vittmi ta’ vjolenza domestika. Żgur li dan kollu juri l-impenn u l-progress li qed isir marbut mal-vjolenza domestika minn diversi entitajiet.

Ma nistgħux nitkellmu fuq il-vjolenza domestika u ma nsemmux l-edukazzjoni, li hi ċ-ċavetta ta’ kollox u f’kull ħsieb ta’ ħidma favur il-prevenzjoni.

Irridu nibqgħu nedukaw partikolarment lill-uliedna u nagħmlu enfasi favur soċjetà li tirrispetta, li fiha l-imħabba tirbaħ fuq il-mibegħda u li għandha tħaddan valuri soċjali b’saħħithom filwaqt li tkun ta’ spalla mal-aktar vulnerabbli. Dik hi soċjetà b’saħħitha u li taħseb f’kulħadd. L-edukazzjoni hi importanti wkoll f’forma differenti mal-vittmi li jridu jagħrfu kif ħadd ma għandu dritt li jkasbar id-dinjità tagħhom. Hi għafsa ta’ qalb meta vittma ta’ vjolenza domestika ssibha diffiċli tagħraf ir-realtà li tkun fiha. Fuq kollox dawk ta’ madwar il-vittmi jridu jkunu konxji li l-vjolenza domestika hi affari ta’ kulħadd. Kulħadd għandu jħossu fid-dmir li jirrapporta biex il-problema ma tkompliex tikber.

Mal-vittmi ta’ vjolenza domestika hemm il-professjonisti li wkoll jġorru t-tbatijiet ta’ dawn il-persuni. Ħafna drabi dan it-toqol ma jidhirx iżda żgur iħalli mpatt.

L-apprezzament tagħna lejn dawn il-ħaddiema għandu jkun bla qies għax xogħolhom jagħmluh b’dedikazzjoni kbira. Dawn huma l-vera eroj li jikxfu l-pjaga tal-vjolenza domestika, iddewwuha u jagħtu tama għal ħajja ġdida lill-vittmi.

Huwa għalhekk għaqli l-investiment fit-taħriġ li qed isir fost dawn il-professjonisti, il-forzi tal-ordni u anki fil-qasam tal-ġustizzja, li huwa propju dan il-qasam li mbagħad jieħu l-azzjonijiet definittivi li bihom ikun ġust u jipproteġi lill-vittmi. Tassew nemmnu li r-riżors uman jibqa’ l-akbar mutur li jmexxi ’l quddiem ir-riformi u l-bidliet meħtieġa biex tassew negħlbu s-silenzju u dak li hu mniżżel fuq il-karta ma jibqax sempliċiment miktub iżda implimentat.

Dawn l-inizjattivi fejjieda flimkien ma’ oħrajn li għad iridu jiġu, iwassluna biex nindirizzaw ir-realtà tal-vjolenza domestika. Dan huwa dak li kommessi nibqgħu nagħmlu imqar jekk tibqa’ persuna waħda biss tbati waħidha. Konvinti li flimkien nistgħu nkomplu negħlbu s-silenzju.

Ekonomija

Sport