Saturday, December 21, 2024

Negozji jesprimu tħassib dwar nuqqas ta’ ħaddiema

... 50 fil-mija jirrappurtaw prezzijiet ogħla ta’ bejgħ

Aqra wkoll

Minn stħarriġ li sar mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, irriżulta li 50 fil-mija tan-negozji irrappurtaw prezzijiet ogħla ta’ bejgħ. Mill-istess stħarriġ joħroġ li n-negozji f’Malta qegħdin jesprimu tħassib dwar nuqqas ta’ ħaddiema u anke nuqqas ta’ ħiliet. 

Mill-istħarriġ jirriżulta li kien hemm xejn inqas minn 42 fil-mija  tan-negozji li qegħdin jistennew titjib fl-attività kummerċjali għax-xhur li ġejjin.  Jirriżulta ukoll li l-kumpaniji li rrappurtaw żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni laħaq il-livell irrapportat fit-tieni kwart għas-sena 2023. Fil-fatt, 60 fil-mija tal-azjendi rrappurtaw li l-prezzijiet tal-produzzjoni żdiedu f’dawn l-aħħar xhur, żieda mil-livell ta’ 46 fil-mija irrappurtat fil-perjodu ta’ qabel.

Il-proporzjon tan-negozji li rrappurtaw prezzijiet tal‐bejgħ ogħla, kien fil-livell ta’ 50 fil-mija fl-aħħar kwart għas-sena 2023, żieda ta’ żewġ punti perċentwali mill-kwart ta’ qabel.

In-negozji esprimew it-tħassib tagħhom għall-pressjonijiet biex jiżdiedu l-pagi. Fil-fatt, żewġ terzi tan-negozji li ħadu sehem f’dan id-djalogu qed jistennew li l-pagi għas-sena 2024 jiżdiedu b’aktar minn 5 fil-mija.

Ta’ min jgħid li għar-raba’ kwart tas-sena 2023, il-proporzjon tan-negozji li rrappurtaw kundizzjonijiet aħjar tan-negozju naqas meta mqabbel mal-kwart ta’ qabel. Dan kien fil-livell ta’ 35 fil-mija, tnaqqis minn 44 fil-mija fit-tielet kwart tas-sena.

Ekonomija

Sport