Sunday, November 24, 2024

Negozji jistgħu jibbenefikaw sa €140,000 bl-iSmart and Sustainable Investment Grant

Aqra wkoll

Negozji lokali li qed jinvestu fi proġetti biex isiru ambjentalment aktar sostenibbli issa jistgħu jirċievu sa massimu ta’ €140,000 f’għajnuna mill-gvern hekk kif Malta Enterprise qed testendi l-iskema Smart and Sustainable Investment Grant għal sena oħra.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħabbret kif il-gvern qed jirdoppja l-investiment għal din l-iskema biex b’hekk negozji jibbenefikaw sa massimu ta’ €100,000 f’għajnuna finanzjarja, li tista’ tiġi estiża b’€40,000 oħra fi krediti tat-taxxa. Il-ministru ħabbret dan waqt żjara lill-ħaddiema tal-kumpanija tal-manifattura OLI Vibra Ltd, f’Ħal Far.

Din l-iskema tipprovdi għajnuna finanzjara lin-negozji biex ibiddlu l-operat tagħhom għal wieħed aktar sostenibbli u effiċjenti. Din l-iskema taqa’ taħt ir-regoli de minimis.

OLI Vibra Ltd, sussidjarja tal-kumpanija internazzjonali tal-manifattura t’apparat industrijali speċjalizzat OLI, hija fost il-kumpaniji li qed jibbenefikaw mill-iSmart and Sustainable Investment Investment Grant. Permezz ta’ din l-iskema, din il-kumpanija qed tinvesti f’makkinarju aktar effiċjenti u sostenibbli li se jnaqqas il-proċessi tagħha b’aktar minn 40% u jnaqqas il-konsum tal-enerġija b’60%. B’hekk, il-kumpanija qed tnaqqas mas-7,500 kilogramma ta’ emissjonijiet tal-karbonju fis-sena.

Ġie spjegat li permezz ta’ dan it-titjib fl-iskema Smart and Sustainable Investment Grant, il-kreditu tat-taxxa li jistgħu jibbenefikaw minnu l-kumpaniji, jista’ jfisser żieda ta’ 10% sa 20% fl-ammont tal-proġett, sa massimu ta’ €40,000, jekk jitwettaq minn kumpanija li tkun ilha mwaqqfa inqas minn tlett snin, jekk il-proġett ikun kopert b’ċertifikat indipendenti ta’ energy audit, jew jekk il-proġett jinkludi investiment f’Għawdex.

Sport