Friday, May 3, 2024

Raġel immultat €41,974 wara li waqa’ minn gallarija ta’ każin u ġie fuq mara

Aqra wkoll

Jason Scicluna li hu l-eks-kaxxier tal-każin Banda San Mikiel, ġie mmultat €41,974 wara li l-Imħallfin warrbu l-appell tiegħu u kkonfermaw is-sentenza tal-ewwel qorti.

Jirriżulta li Scicluna fit-13 ta’ Settembru 2014, waqt il-festa tal-Madonna tal-Grazzja ta’ Ħaż-Żabbar kien qiegħed fil-gallarija tal-każin u għal xi raġuni waqa u ġie fuq Stephanie Pisani li kienet fil-bitħa interna flimkien mal-għarus tagħha, ħbieb u qraba.

Il-mara kienet fetħet każ fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Scicluna fejn sostniet li r-raġel għandu jinżamm responsabbli minħabba li fl-inċident sofriet diżabilità permanenti ta’ 20%.

Kien fl-2018 meta l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili qalet li Scicluna għandu jinżamm responsabbli tal-inċident u għalhekk kien ordnat li jagħti kumpens lil Pisani ta’ €41,974.

Min-naħa tiegħu Scicluna kien appella minn din is-sentenza fuq l-argument li hu ma kellux tort tiegħu li waqa’ mill-gallerija u dan minħabba li xi ħadd kien ipprova jerfgħu fost il-briju tal-festa.

Il-Qorti tal-Appell qalet li ma ġiex pprovat li kien hemm xi terzi persuni nvoluti waqt li waqa’ filwaqt li ġie stabbilit li Scicluna kien qal lill-għarus tat-tfajla tiegħu u lil ħuha li għelbitu rasu.

Kien għal din ir-raġuni u oħrajn li l-Qorti tal-Appell li kienet preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Christian Falzon Scerri u Josette Demicoli, ikkonfermat is-sentenza tal-ewwel qorti.

Sport