Sunday, December 22, 2024

“Nemmen f’nazzjon li jifhem, iwennes u jgħin” 

Il-Prim Ministru Robert Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għax newtrali ma jfissirx li nkunu newtralizzati quddiem din l-inġustizzja, quddiem dak li hu ħażin. Se nibqgħu ffaċċjati b’żewġ realtajiet – dawk li jolqtu l-massa tan-nies u dawk li jolqtu l-minoranzi tan-nies.

“Minoranzi li tant jolqot lilhom li tant li hu importanti għalihom, li meta mċaħħdin minnu ħajjithom tieħu xejra differenti, li ma jkunux xtaqu jew ippjanaw. Hawn irridu naraw kif se jwieġeb in-nazzjon tagħna.

“In-nazzjon se jwieġeb bil-preġudizzju jew billi jifhem? Bil-jaħasra jew billi joffri l-wens? Billi jagħlaq għajnejh u jdawwar wiċċu n-naħa l-oħra jew billi joħroġ idejh u jgħin? Jiena nemmen f’nazzjon li jifhem, iwennes u jgħin.”

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’diskors li għamel waqt il-konferenza nazzjonali dwar l-Istat tan-Nazzjon organizzata lbieraħ fil-Palazz Verdala taħt l-awspiċi tal-President ta’ Malta George Vella.

Huwa qal li l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna jinħassu madwar il-kontinent kollu u dawn l-effetti negattivi kienu riflessi f’dak li qalu n-nies dwar il-qagħda preżenti tagħhom. Jekk xejn dan huwa xhieda kemm l-isfidi, il-kunflitt u ċ-ċirkostanzi stratordinarji ta’ madwarna jiddeterminaw il-mod kif irridu naġixxu. 

“Jekk il-poplu hu mħasseb bl-isfida tal-inflazzjoni, dmirna huwa li nindirizzaw din ir-realtà. Nindirizzawha b’mod konkret u b’azzjoni bil-fatti,” qal il-Prim Ministru. Huwa tkellem dwar l-għajnuna tal-Gvern biex inżammu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli, l-għajnuna mogħtija lin-negozji u s-sussidju fuq iċ-ċereali, qmugħ u l-għalf li jintuża għall-bhejjem.

Huwa tenna wkoll li għaż-żmien li ġej, il-livell tal-għajxien se jibqa’ jingħata prijorità. Fl-istess waqt huwa semma li kien hemm mumenti fejn kien hemm min ma emminx li nistgħu negħlbu l-effetti ekonomiċi tal-pandemija. “Minflok il-ħafna dubji previsti, ħriġna b’saħħitna ħafna u llum nerġa’ ninsab konvint li noħorġu b’saħħitna mill-effetti negattivi tal-gwerra.” 

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-riformi li saru fil-qasam tad-drittijiet ċivili. Qal li dan il-Gvern se jkompli jaħdem biex iġib aktar riformi u bidliet. 

Huwa semma wkoll ir-riforma fil-liġi tal-kannabis, li partijiet minnha diġà jinsabu fis-seħħ. Huwa tenna li jeżiġi li l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis, li twaqqfet b’din il-liġi, taħdem b’ħeffa. Hawn għamilha ċara li ma jridx tkaxkir tas-saqajn minn ebda awtorità.

Il-Prim Ministru żied jgħid ukoll li għandha tinbeda d-diskussjoni biex persuni li jkollhom fedina penali mċappsa b’reat li jikkonsisti f’pussess sempliċi tad-droga għandhomx ikollom opportunità f’ħajjithom li jibdew mill-ġdid ukoll.

“Nagħtuhom l-opportunità ta’ reviżjoni u tħassir mill-fedina penali tagħhom ta’ dak ir-reat li jkun jittratta pussess sempliċi tad-droga, lil hinn mill-mekkaniżmu legali li hemm illum.

“Nemmen li għandna nibqgħu nazzjon li jaħdem biex ma jikkundannakx għal għomrok jekk xi darba għamilt żball jew żbalji. Wara din id-diskusjoni li trid issir, trid tiġi mibdula f’bidla u dik se ssir ukoll,” enfasizza l-Prim Ministru. 

Huwa tenna wkoll li “ma rridx nara nazzjon sieket u plaċidu quddiem realtajiet li meta tismagħhom għajnejk jimtlew bid-dmugħ. Fid-dibatitu dwar il-liġi tal-IVF saqsejt jekk aħniex komdi li nagħlqu għajnejna għal dawn ir-realtajiet. Jien minix. Meta ġiet is-siegħa tal-prova l-poplu għamel għażliet ċari ħafna.”

Ekonomija

Sport