Minn Cristian Muscat
Kien staġun li ftit kienu bassru, iżda li spiċċa f’suċċess meritat. Kerċem Ajax F.C. ġew inkurunati champions tal-BOV Gozo Football League tal-Ewwel Diviżjoni wara rebħa minima ta’ 1-0 kontra Nadur Youngsters F.C. fil-Gozo Stadium, suċċess li jikkonferma kemm dan il-klabb għamel qabża kbira f’perjodu qasir ta’ żmien.
Taħt it-tmexxija tal-kowċ Danijel Bogdanovic, Kerċem Ajax mhux biss irnexxielhom jadattaw għar-realta’ ġdida tal-Ewwel Diviżjoni f’qasir żmien wara promozzjoni impressjonanti mit-tieni diviżjoni, iżda saħansitra ddominaw il-kampjonat.
Wara bidu kemmxejn kwiet bi draw kontra SK Victoria Wanderers u Xewkija Tigers, it-tim reġa’ sab ir-ritmu tiegħu u beda serje ta’ riżultati pożittivi li ftit li xejn setgħu jieqfu. Fil-fatt, minn 16-il partita lagħbu, rebħu 13, b’żewġ draws u telfa waħda biss kontra Qala Saints.
Dan is-suċċess ma ġiex b’kumbinazzjoni. Bogdanovic, li nħatar bħala kowċ għall-istaġun 2024/25, ġab miegħu esperjenza vasta fit-tmexxija tat-tim. Il-karriera tiegħu tinkludi esperjenzi ma’ diversi klabbs f’Malta u barra minn xtutna, kif ukoll 41 dehra mat-tim nazzjonali Malti. Huwa wkoll għandu l-liċenzja UEFA ‘A’, fatt li jirrifletti l-kwalità u l-professjonalità tiegħu fil-qasam tal-coaching.
F’intervista li ta lil dan is-sit wara r-rebħ tal-kampjonat, Bogdanovic kien ċar dwar x’kien il-fattur ewlieni wara dan is-suċċess: ix-xogħol. “Jiena nemmen ħafna fix-xogħol serju. Iktar ma taħdem, iktar jitjiebu l-affarijiet, kemm bħala plejer kif ukoll bħala klabb,” sostna. Huwa enfasizza wkoll il-kwalità tal-iskwadra u l-mentalità tagħha: plejers li ma jaqtgħux qalbhom u li jissieltu għal kull ballun.
Il-kowċ irrimarka li minkejja li t-tim ġie promoss biss is-sena li għaddiet, ħadd ma kien qed jistenna li Kercem Ajax jirbħu l-kampjonat b’dan il-mod konvinċenti. “Dejjem mexjin pass pass,” qal, waqt li żied li kull partita kienet sfida ġdida u li l-umiltà kienet kruċjali tul il-kampanja kollha.
Dan it-trijonf ma jfissirx li x-xogħol spiċċa. Fil-fatt, Bogdanovic diġà qed iħares ’il quddiem lejn l-isfidi li ġejjin, inkluż il-finali tal-KO li se tintlagħab fis-17 ta’ April. “Għad fadal x’naħdmu. Irridu nibqgħu ffukati u nippruvaw nirbħu kull partita li jkollna quddiemna,” qal b’determinazzjoni.
Aspett interessanti li ħareġ mill-intervista kien dwar il-futur tal-klabb u l-ambizzjonijiet tiegħu lil hinn minn Għawdex. Bogdanovic m’eskludiex il-possibbiltà li Kercem Ajax xi darba jikkompetu fil-kampjonati Maltin organizzati mill-MFA. “Dan hu wieħed mill-objettivi tal-klabb, dak li nikkompetu barra minn Għawdex. Iżda hemm ħafna affarijiet li jridu jiġu kkunsidrati, bħall-istruttura, finanzi u kwalità ta’ plejers,” spjega.
Hu żied li l-klabb għandu bażi finanzjarja b’saħħitha u jista’ jitqies bħala kapaċi jimxi ‘l quddiem, fatt li jagħti tama li fil-futur jista’ jsir pass ’il quddiem. “Kieku kollox ikun possibbli finanzjarjament, forsi anke livell ogħla bħall-Premier League ikun fil-viżjoni. Imma rridu nibqgħu realistiċi u nibnu pass pass,” sostna.
Dwar il-possibbiltà li Kercem Ajax jikkompetu fil- BOV Challenge League, Bogdanovic wera ottimiżmu iżda wkoll prudenza. “Hemm ħafna xogħol xi jsir. Irridu naraw minn fejn se nibdew u kif se nibnu skwadra li tkun tista’ tikkompeti b’mod konsistenti,” qal, waqt li enfasizza li kwalunkwe pass bħal dan jeħtieġ ippjanar serju u strateġiku.
Element ieħor li jiddistingwi lil Bogdanovic bħala kowċ huwa l-attenzjoni għad-dettall.
Huwa żvela li wara kull partita janalizza l-logħba diversi drabi. “Nara l-logħba tliet darbiet jew erbgħa biex nifhem fejn nistgħu ntejbu. Dejjem hemm xi ħaġa x’titgħallem,” spjega, fatt li juri kemm huwa dedikat biex it-tim tiegħu jkompli javvanza.
Għall-plejers, dan l-istaġun kien prova ta’ karattru. Minn tim li ġie promoss, sar tim li jiddomina u jirbaħ il-kampjonat. Din it-trasformazzjoni hija riflessjoni diretta tal-mentalità rebbieħa li ġiet implimentata mill-istaff tekniku u l-impenn tal-plejers stess.
Suċċess bħal dan ma jinbeniex f’ġurnata waħda, iżda huwa riżultat ta’ ppjanar fit-tul u impenn kontinwu minn kulħadd involut fil-klabb. Mill-amministrazzjoni sal-istaff tekniku u l-plejers, kulħadd kellu rwol importanti biex jinħoloq ambjent professjonali u kompetittiv.
Dan jidher ukoll fid-dixxiplina tattika li t-tim wera tul l-istaġun kollu, kif ukoll fil-konsistenza fir-riżultati. Barra minn hekk, l-appoġġ tal-partitarji kien kruċjali, b’atmosfera pożittiva li tat motivazzjoni żejda lill-iskwadra f’mumenti deċiżivi. Dawn huma fatturi li mhux dejjem jidhru, iżda li jagħmlu differenza kbira fit-triq lejn suċċess bħal dan.
Il-partitarji ta’ Kercem Ajax għandhom għalfejn ikunu kburin. Mhux biss raw lit-tim tagħhom jirbaħ, iżda raw ukoll stil ta’ futbol determinat u organizzazzjoni li twassal għal riżultati. Dan kollu jagħti tama li dan jista’ jkun biss il-bidu ta’ kapitlu ġdid fil-istorja tal-klabb.
B’żewġ partiti oħra x’jintlagħbu fil-kampjonat, l-ambizzjoni tibqa’ li jintemmu b’rekord saħansitra aktar impressjonanti. Madankollu, il-mira ewlenija diġà ntlaħqet: Kercem Ajax huma champions għat-tieni darba fl-istorja tagħhom wara nuqqas ta’ 40 sena.
Issa, il-mistoqsija li kulħadd qed jistaqsi hija x’se jkun il-pass li jmiss. Jekk il-kliem ta’ Bogdanovic huwa indikazzjoni, il-futur jidher mimli ambizzjoni, xogħol u viżjoni ċara. U jekk dan l-istaġun huwa xi indikazzjoni, Kercem Ajax huma lesti għal dak kollu li ġej.

