Sunday, December 22, 2024

“Nemmen li f’Malta diġà qegħdin nadottaw strateġija tajba ħafna”

Il-Kap Eżekuttiv tal-SMEs, Abigail Mamo, dwar l-isfidi għan-negozji minħabba l-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

In-negozji kbar u żgħar f’dawn l-aħħar sentejn iffaċċjaw sfidi bla preċedent minħħabba l-pandemija tal-Covid-19 u preżentament id-daqqa fuqhom iħraxet minħabba l-insabbiltà ekonomika u l-iskarsità ta’ prodotti li qegħdin isofru minħabba l-gwerra fl-Ukrajna. Fil-Jum Dinji tan-Negozji Mikro, Żgħar u Medji Talk.mt ħa aġġornament mingħand il-Kap Eżekuttiv tal-SMEs, Abigail Mamo, fejn min-naħa tagħha qaltilna li l-isfidi li kellhom f’dawn l-aħħar snin għadhom hemm iżda, temmen li Malta diġà qiegħda tagħmel ħafna u li diġà qegħdin nadottaw strateġija tajba ħafna biex nilqgħu għall-istess sfidi.

Filwaqt li kkonfermat li minħabba l-gwerra fl-Ukrajna l-affarijiet mhumiex faċli għan-negozji u li din is-sitwazzjoni se tibqa’ sakemm tibqa’ għaddejja l-gwerra, hija sostniet li m’hemmx soluzzjonijiet fl-immedjat. “Ovvjament, il-pajjiżi kollha inkluż Malta, qegħdin iħarsu lejn alternattivi u soluzzjonijiet. Hemm soluzzjonijiet imma dawn l-aktar li jistgħu jiġu implimentati huwa permezz ta’ miri ta’ medium u long term. Hemm ftit soluzzjonijiet fl-immedjat iżda, aktar milli nikklassifikawhom bħala soluzzjonijiet, dawn huma miżuri ta’ mitigazzjoni għax huma temporanji ħafna,” spjegat Mamo.

Rigward il-piż tal-għoli tal-prezzijiet hija qalet li bħalissa diġà hemm konsumaturi li qegħdin iħossu l-impatt tagħhom u li dawn iż-żidiet hemm ċans li jkomplu jiżdiedu minħabba li Malta għadha qiegħda ttaffi dan l-impatt permezz ta’ għajnuniet b’sussidji mill-Gvern. Hawnhekk hija semmiet is-sussidju fuq il-fjuwil li bħalissa qiegħed iġorr il-piż tiegħu l-Gvern. Spjegat li, “fejn jidħol il-fjuwil, Malta għadha ma ħassitx l-impatt taż-żieda fil-prezz tiegħu però dan ma jfissirx li mhiex milquta minn ċerti prodotti essenzjali impurtati. Dan minħabba li dawn il-prodotti qegħdin jiġu għoljin minn barra. Mistoqsija oħra hija, kemm jista’ u sakemm jista’ l-Gvern jissussidja?”

Ordnijiet u ibbukkjar mhux fil-livelli normali…

F’din is-sitwazzjoni ta’ gwerra, kulħadd irrealizza kemm is-suq tal-Ukrajna u r-Russja huwa importanti u essenzjali għax rajna kemm affettwaw l-għixien tagħna. “Għall-konsumatur li qiegħed iħoss l-impatt tal-prodotti jogħlew madwaru, ftit ikollu aptit jagħmel ċertu tip ta’ infiq fosthom xi avveniment. Hawnhekk qegħdin naraw li l-livell tal-ordnijiet u l-ammont ta’ ibbukkjar mhumiex fil-livell normali,” kompliet il-Kap Eżekuttiv tal-SMEs.

Mamo qalet li waħda mir-raġunijiet li qegħdin jikkwotaw hija l-inflazzjoni u anke l-impatt tal-gwerra. Dan ifisser li l-konsegwenzi tal-gwerra diġà qegħdin jinħassu u fuq l-affarijiet mhux essenzjali dan jinħass daqsxejn aktar minn dawk li huma essenzjali.

Mistoqsija xi pjanijiet lokali hemm f’sitwazzjoni diffiċli ekonomika globali, Mamo qaltilna li, “nemmen li diġà qiegħed isir ħafna għax għajnuna hemm iżda dejjem hemm lok fejn wieħed jista’ jkun aħjar”. Bħalissa l-SMEs għaddejja b’diskussjonijiet mal-Gvern għal għajnuna adizzjonali li jista’ jkollhom bżonn in-negozji. F’dan ir-rigward, Mamo qalet li diġà jeżistu għajnuniet iżda issa hemm bżonn li ngħinu lin-negozji ħalli jkollhom dak li ngħidulu s-security of supply, fejn in-negozji jkunu jistgħu jġibu f’ammonti kbar bil-għan li Malta tkun tista’ tissuplixxi ċertu prodotti. Dan b’mod speċjali l-prodotti tal-ikel. Biex in-negozji jkunu jistgħu jġibu f’ammonti kbar, se jkollhom bżonn aktar spazju biex jaħżnu fih (storage spaces).

“Jiġifieri dawn id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin però naħseb li Malta diġà qiegħda tagħmel ħafna, b’mod speċjali meta tikkomparaha ma’ pajjiżi oħra. Nemmen li diġà qegħdin nadottaw strateġija li hija tajba ħafna,” temmet Abigail Mamo. 

Ekonomija

Sport