Tuesday, July 15, 2025

‘Nemmen li kollox jiġri għal raġuni, u l-istaġun li għadda jista’ jkun bażi tajba fuqiex nibnu għall-istaġun li ġej’ – Jamie Nicholl

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Jien ġej minn familja fejn il-futbol dejjem kien preżenti, u għalhekk ġejt imbuttat nibda nilgħab minn meta kelli biss erba’ snin. Imma fl-ewwel snin ma kontx daqshekk interessat, kont aktar nieħu gost ninqala’ l-ħaxix mill-art milli nilgħab il-futbol. Ma damx wisq u waqaft.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Santa Lucia FC.

L-imħabba vera għall-logħba bdiet aktar tard, fl-iskola, meta kont nilgħab mal-ħbieb fil-breaks. Hemmhekk bdejt nieħu gost tassew, u b’ħin u żmien sirt nirrealizza kemm il-futbol hu importanti għalija

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

L-esperjenza tiegħi ma’ Santa Lucia FC kienet waħda sodisfaċenti ħafna. Iltqajt ma’ coaches u plejers li verament għenuni nikber – mhux biss bħala plejer, imma wkoll bħala persuna. Din is-sena lgħabt regolarment u ngħatajt iċ-ċans nuri l-kwalità tiegħi tul l-istaġun kollu.

Barra mill-grawnd, ma kinitx sena faċli għalija fuq livell personali, imma l-futbol tani ċans niftaħ moħħi u niffoka fuq xi ħaġa pożittiva.

Għenuni nikber mentalment u teknikament. Illum nara lili nnifsi bħala plejer versatili b’logħba bilanċjata, u Santa Lucia kellha sehem importanti f’dan il-proċess ta’ tkabbir. Naħseb li l-prestazzjoni tat-tim tjiebet maż-żmien. Fil-bidu kellna diffikultajiet, imma grazzi għall-għaqda li kellna bejnietna u r-reżiljenza li wrejna f’mumenti importanti, irnexxielna niksbu riżultati tassew tajbin matul l-istaġun. Nemmen li kollox jiġri għal raġuni, u l-istaġun li għadda jista’ jkun bażi tajba fuqiex nibnu għall-istaġun li ġej. Hemm ħafna x’nitgħallmu – kemm mill-mumenti tajbin kif ukoll minn dawk diffiċli – u aħna lesti biex nikbru minnhom.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Naħseb li l-livell tal-futbol Malti qed jitjieb maż-żmien. Hemm aktar organizzazzjoni, taħriġ aħjar, u l-plejers qed jieħdu l-logħba b’mod aktar professjonali. Minkejja dan, għad hemm differenza ċara bejn il-livell hawn u dak li nsibu barra — speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp tal-plejers, il-professjonalità u t-teknoloġija moderna li tintuża fil-logħba. Jekk irridu nkunu kompetittivi verament, irridu nibqgħu ninvestu fl-infrastruttura, fit-taħriġ taż-żgħażagħ, u fil-kultura sportiva b’mod ġenerali f’Malta.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Naħseb li f’Malta ħafna mill-grawnds huma ta’ kwalità baxxa u mhux miżmuma kif suppost. It-temp jagħmel differenza kbira — ħafna drabi jkun sħana kbira, u nemmen li l-grawnds għandhom jiġu mgħaddsa bl-ilma qabel it-taħriġ u l-logħbiet biex il-wiċċ ikun aktar sigur u adattat għall-logħba.Jekk nitjiebu l-faċilitajiet fuq livell nazzjonali, żgur jgħin biex jitla’ l-livell ġenerali tal-futbol. Dwar fejn nilagħbu l-logħbiet tagħna, ma nista’ ngerger xejn — il-wiċċ huwa tajjeb — imma anke li jiġi mgħaddas bl-ilma qabel il-bidu jista’ jagħmel differenza kbira.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jien persuna ambizzjuż u nemmen li nista’ mmur ’il bogħod fil-futbol. L-għan tiegħi hu li nkun qed nilgħab fil-kampjonat ewlieni ta’ Malta fi żmien sena sa sentejn. Fil-mument, l-iktar ħaġa importanti għalija hija li nibqa’ nilgħab b’mod regolari sabiex inkompli nieħu esperjenza u nitjieb f’kull aspett tal-logħba tiegħi.Nifhem li mhux se jkun faċli, imma jien lest inżomm standards għoljin u naħdem fuq kull dettall — tekniku, tattiku, mentali u fiżiku — biex nasal fejn nixtieq!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Naħseb li l-futbol huwa karriera sabiħa għax jiftaħlek ħafna opportunitajiet — tiltaqa’ ma’ nies ġodda, tagħmel kuntatti, u taqsam il-passjoni tiegħek ma’ oħrajn. Imma importanti li tkun taf li l-futbol iġib miegħu kemm mumenti tajbin kif ukoll diffiċli — u jekk tassew trid tasal, trid tkun lest tagħmel xi sagrifiċċji.Wara kollox, huwa sport li joffrilek ħafna sodisfazzjon. L-ambizzjoni hija essenzjali — dejjem hemm ċans li titla’ livell, u b’ħidma u dedikazzjoni, kollox jista’ jsir possibbli!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport