Thursday, March 13, 2025

Nemmen li l-passjoni għall-futbol tkun ġo fik minn ta’ etá żgħira – Jonathan Grech

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Ħadd fil-familja tiegħi ma kien jilgħab il-futbol. Sa minn meta kont tifel żgħir dejjem kelli ammirazzjoni kbira lejn il-goalkeeper Taljan, Gianluigi Buffon. Ta’ sitt snin bdejt nilgħab l-ewwel darba ma’ klabb u għidt jien irrid inkun bħalu. B’hekk bdiet it-triq li nkun goalkeeper. 

Iddeskrivi l-esperjenzi tiegħek fil-futbol qabel ingħaqadt ma’ Senglea Athletic.

Minn ta’ sitt snin bdejt nilgħab ma’ Zabbar St Patrick u nista’ ngħid li tliet kwarti jekk mhux iktar ta’ ħajti qattajthom hemm. Kelli kemm esperjenzi sbieħ u anke koroh. L-isbah esperjenza ma’ Zabbar St Patrick kienet meta lgħabt l-ewwel darba mat-tim tal-kbar ta’ 18-il sena. Kienet partita mill-FA Trophy kontra l-Belt. 

Barra Zabbar, kont ukoll ma’ diversi klabbs bħal Sliema, Marsa, Mqabba u Birgu. Imma ż-żmien ma’ Zabbar jibqa’ l-iktar wieħed għal qalbi. 

X’tikkummenta fuq l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Senglea Athletic?

Ma’ Senglea Athletic, hija esperjenza sabiħa ħafna għaliex reġa’ ġieni ċ-ċans li nilgħab fiċ- Challenge League. Qegħdin grupp tajjeb ħafna ta’ żgħażagħ li kollha kemm aħna nħobbu l-futbol. 

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fiċ-Challenge League fil-preżent?

Fl-opinjoni tiegħi, iċ-Challenge League qiegħed jikber dejjem aktar bħala livell, għax ħafna plejers mill-Kampjonat Premier qegħdin jinżlu fiċ-Challenge League, allura l-livell ta’ dan il-kampjonat ma baqax bħalma kien qabel.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Issa għandi 33 sena, imma nemmen li goalkeeper forsi jaffordja li jdum jilgħab ftit. Ix-xewqa tiegħi hi li nibqa’ nilgħab sakemm tagħtini saħħti. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Nemmen li l-passjoni għall-futbol tkun ġo fik minn ta’ etá żgħira. Irid ikollok tliet affarijiet partikolari li huma dixxiplina, sagrifiċċju u passjoni. Mingħajr dawn it- tlieta, ma tantx tista’ timxi ‘l quddiem u dan mhux biss fil-futbol! Jekk ikollok id- determinazzjoni tasal fejn trid fil-ħajja!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport