Dan is-sit tkellem ma’ John Grech, is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista, fejn iddeskriva l-irwol tiegħu fid-dettall bħala Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista, u beda jgħidilna li parti mix-xogħol tiegħu huwa li jitħaddet u jiddiskuti “ma’ partiti soċjalisti oħrajn fuq livell ewropew u internazzjonali, u nipparteċipaw f’dawk li ngħidulhom supranational parties, imbagħad għandek organizzazzjonijiet oħra bħas Socialist International li jiena tagħhom iċ-Chairman tal-kumitat tal-Mediterran fejn ġejt maħtur minn Pedro Sanchez, il-Prim Ministru ta’ Spanja f’Mejju li għadda.
Huwa spjega wkoll kif ix-xogħol tiegħu jitlob li ħafna mid-drabi jiltaqa’ ma’ ambaxxaturi biex “infiehem il-ħidma tal-Partit Laburista, niltaqa’ mal-ambaxxaturi biex ukoll nisma’ x’għandhom x’jgħiduli u niftaħ il-kuntatti tiegħi ma’ pajjiżi oħra.” Dan jagħmlu bħala parti mill-amministrazzjoni tal-Partit Laburista.
Kompla wkoll jitkellem fuq il-ħidma bħala partit u kif “hemm relazzjonijiet ma’ partiti oħrajn, bħall-Partito Democratico fl-Italja, Partit Laburista Ingliż, Il-Fateh fil-Palestina, mas-Sinn Fein fl-Irlanda, li mingħandhom ingawdu rispett kbir u x-xagħar li għadda iffirmajna ftehim magħhom fejn se nikkolaboraw fuq politika tal-housing, kif nistgħu naqdbu riċetta ta’ suċċess ekonomiku ta’ pajjiż u suċċess fil-mobilità soċjali li kellna matul dawn l-aħħar tnax-il sena u nagħtu eżempji tagħhom lil partiti soċjalisti li huma jistgħu jużawhom ukoll fil-manifest tagħhom jew bħala parti mill-polzi tagħhom.”
Dawn jissejħu party to party relations u għaldaqstant huwa jkollu bżonn anke jattendi xi kungressi, fosthom attenda għal kungress ta’ Partiti Socialiosta e Democratici li kien sar f’San Marino, fejn hemmhekk indirizza l-kungress u kien ġie maħtur bħala l-ewwel membru onorarju tal-partit, kif ukoll attenda l-kungress li sar fi Spanja tal-PSOE fejn indirizza panel rigward il-politika tal-mobilità soċjali tal-Partit Laburista u s-suċċessi tiegħu fil-mudell ekonomiku tiegħu.
Il-partit huwa wkoll membru tas-Socialist International u anke membru tal- Party of European Socialists fejn “hemmhekk jingħaqdu bħala partiti soċjalisti, jew qabel kunsill tal-Ministri, fejn niddiskutu l-aġenda li tkun se tiġi diskussa fil-kunsilli.”
Tlabna wkoll kumment dwar iż-żjara li kellha l-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Irlanda fil-General Workers Union, u spjega li kien ilu jaħdem fuq dan l-għan, u kienet waħda mill-wegħdiet li għamel fil-kampanja. Din kienet li jerġgħu jinfetħu l-MOUs u xtaq ukoll li apparti li naħdmu biex naqsmu l-ideat ta’ poloz, nibdew ukoll inħarsu lejn partiti oħrajn f’pajjiżi li huma newtrali, bħal Malta, f’dinja fejn l-industrija u l-ekonomija tal-gwerra qed titmexxa aktar mill-ekonomija tal-paċi.”
“Kellna ħafna fejn naħdmu ma’ xulxin, huwa partit li qed jikber, u ddiskutejna flimkien il-proġett tal-housing f’Malta, u naħseb li t-Trade Unions anke dik mal-Irlanda għandhom storja twila u anke storja ta’ ħbiberija, ta’ ħidma flimkien, ta’ kif wara kollox, il-Partit Laburista għandu wkoll ħidma tajba ħafna mal-General Workers Union illum il-ġurnata.
Huwa żied jgħid ukoll li n-newtralità “hija ferm għal qalb il-Partit Laburista u n-newtralità nzerta wkoll għal qalb ħafna l-partit tas-Sinn Fein. Iżda fl-Irlanda, in-newtralità qiegħda taħt theddida, u ser nagħtu s-solidarjetà tagħna u forsi wkoll nibdew naħsbu fuq pjattaforma ta’ pajjiżi, jew aktar ta’ partiti newtrali li jaħdmu favur in-newtralità u għalhekk favur il-paċi. Dalwaqt ser nibdew niftħu diskussjonijiet dwar dan ma’ partiti Awstrijaċi wkoll, kif għamilna diġà f’San Marino.”
Is-Sur John Grech huwa bniedem li jħobb ħafna l-kuntatt man-nies, u jgħid li “l-kuntatt man-nies huwa importanti ħafna, min jafni jiena trabbejt f’Birkirkara, il-familja tiegħi kollha minn hemm u min jafni, jaf li għalija l-kuntatt man-nies huwa important ħafna. Birkirkara għandna komunità vibranti ħafna, komunità magħquda immens, u minn meta tkun żgħir tibda ddur anke l-każini, jew ma’ ħutek, jew mal-ġenituri, żijiet u minn hemm tibda titgħallem kemm il-kuntatt man-nies huwa kruċjali u għalija llum il-ġurnata, bħala politiku, il-kuntatt man-nies huwa għalija aktar importanti minn qatt qabel, għax dan jgħinni nifhem x’inhuma l-isfidi tan-nies, nifhem x’inhuma l-ħolm tan-nies, nifhem x’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħhom, imma li fuq kollox nifhem in-nies xi jridu mill-politiċi u mill-politika tal-lum.” Huwa lest li jagħmel dan minn kull aspett, jekk hux minn aspett sportiv, u anke komunitajiet ta’ baned u għaqdiet soċjali. Dawn għalih huma verament importanti, kemm għax ser jgħinu lill-persuna tħossha parti minn soċjetà u minn komunità, u anke għall-politiku li tgħinu biex jifhem aktar u jinfluwenza l-ħidma tiegħu minn dak li jridu n-nies għax kif qal hu stess jemmen li “l-politika tibda min-nies, minn dak li jridu n-nies, tibda mid-djar u tibqa’ tiela’ ’l fuq.”
Is-suġġett, ladarba ssemmiet il-gwerra waqa’ wkoll fuq il-gwerra fl-Ukraina u kif din qed taffettwa lid-dinja, u semma anke wkoll il-gwerra tal-Lvant Nofsani. L-Ukrajna qed taffettwa ħafna lid-dinja għax skont John Grech “hemm aggressur li huwa r-Russja, li dan f’daqqa waħda qam u ddeċieda li jinvadi stat sovran, jiġifieri hemmhekk, hemm tista’ tgħid theddida, għax qed jiksru l-liġi internazzjonali, iżda wkoll ma tistax tgħid min imissu biex jolqotha mingħand ir-Russja; għandna pajjiż li ddeċieda, li għax hu aktar b’saħħtu, f’dan il-każ aktar mill-Ukraina, iddeċieda li ser jinvadih, u tista’ tgħid li erġajna spiċċajna bi gwerra oħra fl-Ewropa wara ħafna snin, u dan kollu qed jaffettwa lid-dinja b’mod negattiv minn diversi aspetti.”
Issemma’ wkoll il-kunflitt fil-Lvant Nofsani fejn hemm aktar kumplessitajiet, “fejn hemm kriżi umanitarja kbira fuq in-nies ta’ Gaza, u aħna bħala Partit Laburista u anke bħala Gvern għamilnieha ċara kemm-il darba li l-ewwel ħaġa li jrid jieqaf il-kunflitt minnufih, u ma jistax jintuża l-ikel bħala arma, fuq tfal u fuq nies bħala theddida. Hemmhekk bħalissa hemm każ ta’ nies li qed imutu bil-ġuħ. M’ilux rajna lill-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru Ian Borg fejn Malta bagħatna għajnuna umanitarja u bħala Partit Laburista din il-ġimgħa flimkien ma’ partiti soċjalisti oħrajn madwar id-dinja iffirmajna ittra li tikkundanna l-azzjonijiet tal-gvern Iżraelit fuq il-poplu Palestinjan.
F’din is-sitwazzjoni hemm ukoll il-Hamas li qed iżommu l-ostaġġi Iżraeliti taħt tortura u taħt kundizzjonijiet koroh ħafna fejn qed iżommu milli nsibu t-triq għall-paċi. Huwa qasam magħna li għadu kif tkellem mal-Partit Demokratiku Iżraelit, “li huwa l-oppożizzjoni fl-Iżrael, li huma bħalna, partit tax-xellug, u qbilna li l-Gvern diment li jibqa’ jmexxi Netanyahu mhux ser ikollna t-triq għall-paċi, iżda aktar problemi.” Hemm ukoll il-partit tal-Fateh tal-Palestina li jżomm kuntatt miegħu b’mod regolari biex jara minn xiex għaddej il-poplu Palestinjan, li jġiegħluk tirrealizza minn xiex għaddejjin.
Id-diskors għadda wkoll dwar il-ħatra ta’ kap ġdid fil-Partit Nazzjonalista u qal kif hu jirrispetta l-avversarju politiku tiegħu dejjem, “iżda meta nħares lejn il-Partit Laburista u nara tim formidabbli fil-partit tagħna, u meta nħares lejn il-Prim Ministru u l-isfidi li kellu, u nara l-ekonomija aħjar fl-Ewropa, anke bħala impjieg. Kap jekk jirbaħ biex ibiddel il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin u mhux biex jgħid li rebaħ. Jekk ikollna nħarsu lura matul dawn l-aħħar 12-il sena naraw li nbidlet il-ħajja ta’ eluf ta’ Maltin għall-aħjar, allura ma ninkwetax li ser ikun hemm Kap ġdid fl-elezzjoni li jmiss.”
Dwar id-distakk fil-voti bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, huwa qal li “t-tmexxija ta’ Robert Abela, u l-ħidma tal-amministrazzjoni tal-Partit, nemmen li xejn mhu impossibbli għall-Partit Laburista biex nagħmlu l-ħolm tal-poplu Malti realtà.”
Iżda John Grech għandu ħajra li xi darba jikkontesta fl-elezzjoni ġenerali? Huwa stqarr li se jibqa’ jmur fejn isejjaħlu l-partit, huwa dejjem kien leali lejn il-Partit, lejn in-nies u ser jimxi dejjem ma’ dik is-sejħa, jisma’ mill-partit u jisma’ mill-mexxej u skont kif isejjaħlu l-partit.