Friday, November 22, 2024

“Nemmnu fit-tieni ċans”

Riforma li tħares lejn il-possibilità li jkun hemm reviżjoni tal-kondotta fuq pussess sempliċi tad-droga

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern għaddej b’ħidma fuq numru ta’ riformi fosthom dik fil-proċess tal-kondotti, li kienet ukoll imwiegħda fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista ‘Malta Flimkien’. Din ir-riforma se tħares lejn il-possibilità li persuni li jkollhom il-kondotta tagħhom imċappsa fuq pussess sempliċi tad-droga jkollhom l-opportunità ta’ reviżjoni tal-kondotta tagħhom wara numru ta’ snin.

F’kummenti ma’ L-Orizzont, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li “din hija waħda mill-aktar riformi għal qalbi li qed naħdem fuqha flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard.”

“Qed naraw li jekk persuna tkun ingħatat sentenza, għamlet iż-żmien tagħha fil-ħabs, irrijabilitat ruħha u serviet il-ġustizzja, m’għandhiex tibqa’ b’dik il-kondotta għal għomorha għaliex aħna nemmnu fit-tieni ċans,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Hija żiedet tgħid li temmen li jekk persuna tingħata t-tieni ċans ikun jista’ jkollha ħajja ferm aħjar għaliex kondotta mċappsa tagħmilha diffiċli li dak l-individwu jaċċessa s-suq tax-xogħol u anke jmantni l-familja tiegħu.

“Biex nagħmilha ċara, mhux qed inħassru l-passat tiegħek… meta jkollok persuna li tkun serviet is-sentenza u l-vittma ngħatat ġustizzja. Iżda mbagħad naraw li tingħata t-tieni ċans. Qed inħarsu lejn riforma li tindirizza dawn l-għanijiet,” qalet Buttigieg.

Fost riformi oħra li għamlet referenza għalihom is-Segretarju Parlamentari Buttigieg hemm l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-gender mainstreaming, u anke l-Atti dwar l-Ugwaljanza li se jerġgħu jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra sabiex jidħlu fis-seħħ u b’hekk ikun assigurat aċċess ugwali għal kulħadd f’kull qasam tal-ħajja.

Sport