Bla dubju li l-Europride 2023 li se jsir f’Malta hu avveniment ferm mistenni. Bejn is-7 u s-17 ta’ Settembru, pajjiżna se jkun qed jiċċelebra d-diversità u l-ugwaljanza fuq livell internazzjonali.
Anke t-tema magħżula “Equality from the Heart” hi waħda ideali minħabba li l-għan ewlieni hu dak li jattira eluf ta’ nies minn madwar id-dinja lejn Malta biex jiċċelebraw il-komunità LGBTIQ+, filwaqt li tippromwovi l-messaġġ b’saħħtu ta’ ugwaljanza.
Europride Valletta jirrapreżenta wkoll mument storiku u bla preċedenti għal pajjiżna mhux biss għax hija l-ewwel darba li Malta se tospita dan l-avveniment internazzjonali, iżda wkoll għaliex se jkun l-iżgħar pajjiż fl-UE bl-aqwa drittijiet għall-persuni LGBTIQ+ li jilqa’ din il-manifestazzjoni globali.
Sadanittant, dan is-sit tkellem ma’ William Lewis li hu l-koordinatur ewlieni ta’ EuroPride 2023.
Bdejna biex saqsejnih dwar l-avveniment ewlieni tas-16 ta’ Settembru fejn madwar it-toroq tal-Furjana u tal-Belt Kapitali se jittella’ l-Euro Pride March segwit imbagħad mill-kunċert ta’ Christina Aguilera. Hu ta’ aktar dettalji dwar dak li se jiġri f’din il-ġurnata.
“Rigward l-Euro Pride March, qed inħeġġu l-pubbliku sabiex jinġabar ħdejn l-Awtorità tal-Ippjanar f’St Francis Ravelin sabiex hemmhekk jingħata bidu għal dan il-marċ. Minn hemm ngħaddu minn Triq Sant’Anna, it-triq prinċipali tal-Furjana sabiex naqbdu r-ritmu tiegħu.”
“Tajjeb li ngħid li dak il-ħin bejn it-tlieta u l-ħamsa ta’ waranofsinhar din it-triq se tkun magħluqa għat-traffiku ħlief għal hekk imsejħa ring road lejn il-belt fejn din se tibqa’ miftuħa. Sadanittant il-marċ jgħaddi mit-triq ta’ Kastilja, Triq il-Merkanti, Triq ir-Repubblika u kollox jispiċċa quddiem il-Parlament.”
“Rigward il-kunċert ta’ Christina Aguilera, kollox se jibda fit-8.30 ta’ filgħaxija għalkemm se jkun hemm xi gruppi li se jkunu qed jitilgħu fuq il-palk qabel dan l-avveniment prinċipali.”
Lewis qal li fi Pjazza Tritoni se jinfetaħ il-Pride Village fejn se jkun hemm diversi sezzjonijiet jew bl-Ingliż stalls li fihom tingħata aktar informazzjoni dwar x’qed jiġri f’dak il-mument. Fil-fatt bejn il-ħamsa ta’ waranofsinhar u t-8.30 ta’ filgħaxija se jkun hemm diskussjonijiet interessanti li jitkellmu dwar dan it-tema tant importanti. Se jkun hemm diversi għaqdiet li se jgħidu tagħhom u s-sabiħ ta’ dawn id-diskussjonijiet hu li tiġi espressa l-opinjoni ta’ kulħadd.
Servizz ieħor li se jiġi pprovdut tul dawn l-għaxart ijiem ta’ ċelebrazzjoni se jkun ukoll is-sehem ta’ professjonisti u ħaddiema soċjali li se jkunu qed joffru s-servizzi tagħhom lil persuni li jkollhom bżonn appoġġ psikoloġiku.
“Nemmnu ħafna li ħadd m’għandu jiġi diskriminat u ġġudikat dwar kif iħossu u jrid jgħix ħajtu.
Importanti għalina, ġejjin minn fejn ġejjin, ikunu jafu li hemm xi ħadd għalihom jekk ikollhom bżonn. Ikun hemm nies li jkunu iżolati u ma jkollhomx ma’ min jitkellmu. B’hekk importanti li jkun hemm xi ħadd hemmhekk għalihom.
Se jkun hemm chat miftuħa għan-nies u tkun miftuħa anke billejl biex ikun hemm appoġġ ikun xħin ikun.”
Lewis spjega li dan is-servizz se jingħata b’kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Richmond u r-Rainbow Support Service.
Lewis qal li huma jemmnu bis-sħiħ li s-servizz ta’ appoġġ għandu jkun aċċessibbli bl-iktar mod effiċjenti kulħadd jingħata dak is-servizz.
Dwar il-kunċerti li se jsiru filgħaxija, diversi kantanti fosthom Netta, Katrina and the Waves u Conchita Wurst se jkunu qed janimaw l-Eurovision Night li se ssir fil-15 ta’ Settembru li ġej.
Innovazzjoni oħra li se jkun hemm hu l-Pride March li se jsir ukoll fil-Belt Victoria f’Għawdex. Kantanti oħrajn lokali bħal Michela, Ryan Hili, Pamela, Aidan, Amber u Glen Vella se jkunu qed ikantaw quddiem folla kbira ta’ nies. Se jkun hemm ukoll kollaborazzjoni flimkien ma’ Kinetic Dance Company, YADA Dance Company u Yada Academy Gozo li se jżejnu din is-serata kollha mużika.
William Lewis qal b’sodisfazzjon li d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ f’Malta huma l-aqwa fl-Ewropa.
“Kburi ngħid li Malta avvanzat ferm f’dawn l-aħħar għaxar snin fejn għandu x’jaqsam id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ. Se naraw żgur mhux forsi ċelebrazzjoni ta’ mħabba u anke ta’ kisbiet li rnexxielna jkollna bħala poplu. Għalhekk inħeġġeġ lill-pubbliku inġenerali, mhux biss dawk li jiffurmaw l-għaqdiet LGBTIQ iżda wkoll lil kulħadd sabiex jattendi għall-attivitajiet ferm sbieħ li se jkollna.”
Wieħed jista’ jgħid ukoll li Malta se tkun qed tattira numru ta’ persuni barranin li ġejjin apposta sabiex jiċċelebraw dan l-avveniment u għalhekk wieħed jista’ jsejjaħlu bħala prodott turistiku mill-aqwa sabiex ikun riklam għal pajjiżna. Hawnhekk it-turisti li ġejjin se jaraw kif pajjiżna mexa ‘l quddiem fejn għandu x’jaqsam drittijiet għall-persuni LGBTIQ.
“B’xorti ħażina, ir-realta’ f’pajjiżi oħra hi differenti minn hekk, minħabba li diversi persuni qed jiġu mwarrba, drittijiet imkasbra u hemm min għadu lura ferm sabiex jaċċetta persuni LGBTIQ. Dan m’għandux ikun għax kull persuna għandha dritt tgħix ħajjitha skont dak li temmen fih.”
Sadanittant William Lewis temm jgħid li min jixtieq aktar dettalji tal-programm uffiċjali jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit europride2023.mt.